Linji Gwida dwar ir-Rieżami tal-App

L-Applikazzjonijiet qed ibiddlu d-dinja, itejbu l-ħajja tan-nies, u jippermettu lill-iżviluppaturi bħalek jinnovaw bħal qatt qabel. Bħala riżultat, l-App Store kiber f’ekosistema eċċitanti u vibranti għal miljuni ta’ żviluppaturi u aktar minn biljun utent. Kemm jekk inti żviluppatur għall-ewwel darba jew tim kbir ta’ programmaturi b’esperjenza, aħna eċċitati li qed toħloq applikazzjonijiet għall-pjattaformi tagħna, u rridu ngħinuk tifhem il-linji gwida tagħna sabiex tkun kunfidenti li l-applikazzjoni tiegħek se tgħaddi mill-proċess ta’ rieżami malajr.

    Introduzzjoni

    Il-prinċipju ta’ gwida tal-App Store huwa sempliċi—irridu nipprovdu esperjenza sikura għall-utenti biex jiksbu l-applikazzjonijiet, u huwa ta’ opportunità kbira għall-iżviluppaturi kollha biex ikollhom suċċess. Nagħmlu dan billi noffru App Store miżmum sew fejn kull applikazzjoni tiġi rieżaminata minn esperti, u tim editorjali jgħin lill-utenti jiskopru applikazzjonijiet ġodda kuljum. Niskennjaw ukoll kull applikazzjoni għall-malware u software ieħor li jista’ jkollhom impatt fuq is-sikurezza, is-sigurtà, u l-privatezza tal-utent. Dawn l-isforzi wasslu biex il-pjattaformi ta’ Apple ikunu l-aktar pjattaformi sikuri għall-konsumaturi madwar id-dinja.

    F’xi swieq u fuq ċerti pjattaformi, l-iżviluppaturi jistgħu wkoll iqassmu applikazzjonijiet notarizzati minn swieq alternattivi tal-applikazzjonijiet u direttament mis-sit web tagħhom. Sir af aktar dwar swieq alternattivi tal-applikazzjonijiet, Distribuzzjoni tal-Web, u Notarizzazzjoni għal applikazzjonijiet iOS u iPadOS. Tista’ tara liema linji gwida japplikaw għan-Notarizzazzjoni għall-applikazzjonijiet iOS u iPadOS billi tagħfas fuq “Uri Biss il-Linji Gwida tar-Rieżami tan-Notarizzazzjoni” fil-menù fuq ix-xellug.

    Għal kull ħaġa oħra dejjem hemm l-Internet miftuħ. Jekk il-mudell u l-linji gwida tal-App Store jew distribuzzjoni alternattiva u n-Notarizzazzjoni għall-applikazzjonijiet iOS u iPadOS mhumiex l-aqwa għażla għall-applikazzjoni jew l-idea tan-negozju tiegħek, mhi problema xejn, aħna nipprovdu Safari għal esperjenza tal-web mill-aqwa wkoll.

    Fil-paġni li ġejjin għandek issib l-aħħar linji gwida tagħna rranġati f’ħames taqsimiet ċari: Sikurezza, Prestazzjoni, Negozju, Disinn, u Legali. L-App Store dejjem qed jinbidel u jitjieb biex ilaħħaq mal-ħtiġijiet tal-klijenti tagħna u l-prodotti tagħna. L-applikazzjonijiet tiegħek għandhom jinbidlu u jitjiebu wkoll sabiex jibqgħu fuq l-App Store.

    Xi punti oħra li għandek iżżomm f’moħħok dwar id-distribuzzjoni tal-applikazzjoni tiegħek fuq il-pjattaformi tagħna:

    • Għandna ħafna tfal u adolexxenti li jniżżlu l-applikazzjonijiet biex jibqgħu f’kuntatt ma’ ħaddieħor, jesploraw il-kreattività, jitgħallmu, u jikbru fl-indipendenza tagħhom. Is-sigurtà tagħhom hija xi ħaġa li nieħdu bis-serjetà. Il-kontrolli mill-ġenituri jagħtu lill-ġenituri mezz b’saħħtu ta’ kif jikkontrollaw x’jistgħu jaċċessaw uliedhom u meta — iżda trid tagħmel il-parti tiegħek ukoll. Assigura li t-tfal jiksbu esperjenzi xierqa għall-età tagħhom ġewwa l-applikazzjoni tiegħek.
    • L-App Store huwa mod tajjeb ħafna biex tilħaq mijiet ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja. Jekk tibni applikazzjoni li trid turiha lill-familja u lill-ħbieb biss, l-App Store mhuwiex l-aħjar mod biex tagħmel dan. Ikkunsidra li tuża Xcode biex tinstalla l-applikazzjoni tiegħek fuq apparat b’xejn jew uża distribuzzjoni Ad Hoc disponibbli għall-membri tal-Apple Developer Program. Jekk għadek tibda, sir af aktar dwar l-Apple Developer Program.
    • Aħna nappoġġjaw bil-qawwa kollha li l-opinjonijiet ikunu rappreżentati fuq l-App Store, sakemm l-applikazzjonijiet jirrispettaw lil utenti b’opinjonijiet differenti u l-kwalità tal-esperjenza tal-applikazzjoni tkun waħda tajba ħafna. Aħna se nirrifjutaw applikazzjonijiet għal kwalunkwe kontenut jew imġiba li nemmnu li mhix xierqa. F’liema sens? Kif darba Mħallef tal-Qorti Suprema qal, “Inkun naf meta naraha”. U naħsbu li tinduna wkoll meta tagħmilha.
    • Jekk tipprova tqarraq bis-sistema (pereżempju, billi tipprova tqarraq bil-proċess ta’ rieżami, tisraq id-dejta tal-utent, tikkopja xogħol ta’ żviluppatur ieħor, timmanipula klassifikazzjonijiet jew l-iskoperta tal-App Store), l-applikazzjonijiet tiegħek jitneħħew mill-istore u inti tinħareġ mill-Apple Developer Program.
    • Int responsabbli biex tiżgura li kollox fl-applikazzjoni tiegħek jikkonforma ma’ dawn il-linji gwida, inklużi networks tar-reklami, servizzi analitiċi, u SDKs ta’ partijiet terzi, għalhekk irrevedihom u agħżel bir-reqqa.
    • Xi karatteristiċi u teknoloġiji li ġeneralment mhumiex disponibbli għall-iżviluppaturi jistgħu jiġu offruti bħala intitolament għal każijiet ta’ użu limitat. Pereżempju, noffru intitolamenti għal Operazzjonijiet ta’ Fajl Privileġġjat, CarPlay Audio u HyperVisor.

    Nittamaw li dawn il-linji gwida jgħinuk tgħaddi mill-proċess tar-rieżami bla xkiel, u li l-approvazzjonijiet u r-rifjuti jibqgħu dejjem konsistenti. Dan huwa dokument ħaj; applikazzjonijiet ġodda li jippreżentaw mistoqsijiet ġodda jistgħu jirriżultaw f’regoli ġodda fi kwalunkwe ħin. Forsi l-applikazzjoni tiegħek se tikkawża dan. Aħna nħobbu dan ukoll, u nonoraw dak li tagħmel. Verament qed nippruvaw nagħmlu l-almu tagħna biex noħolqu l-aqwa pjattaforma fid-dinja biex inti tesprimi t-talenti tiegħek u taqla’ l-għajxien ukoll.

    Qabel il-Preżentazzjoni Tiegħek

    Biex l-approvazzjoni tal-applikazzjoni tiegħek tkun tista’ ssir bla xkiel kemm jista’ jkun, irrevedi l-iżbalji komuni elenkati hawn taħt li jistgħu jtawlu l-proċess ta’ rieżami jew iwasslu għal rifjut. Dan ma jiħux post il-linji gwida jew jiggarantixxi l-approvazzjoni, iżda li niżguraw li inti tista’ tiċċekkja kull punt fil-lista huwa bidu tajjeb. Jekk l-applikazzjoni tiegħek m’għadhiex tiffunzjona kif maħsub jew m’għadekx tappoġġaha b’mod attiv, din titneħħa mill-App Store. Sir af aktar dwar Titjib tal-App Store.

    Kun ċert li:

    • Tittestja l-applikazzjoni tiegħek għal xi kraxx jew difett
    • Tiżgura li l-informazzjoni u l-metadata kollha tal-applikazzjoni jkunu kompluti u preċiżi
    • Taġġorna l-informazzjoni ta’ kuntatt tiegħek f’każ li t-Tim ta’ Rieżami tal-Apps ikun irid jikkuntattjak
    • Tipprovdi lit-Tim ta’ Rieżami tal-Apps b’aċċess sħiħ għall-applikazzjoni tiegħek. Jekk l-applikazzjoni tiegħek tinkludi karatteristiċi bbażati fuq il-kont, ipprovdi jew kont demo attiv jew modalità demo bil-karatteristiċi kollha, flimkien ma’ kwalunkwe hardware jew riżorsa oħra li tista’ tkun meħtieġa biex l-applikazzjoni tiegħek tiġi rieżaminata (eż. kredenzjali tal-login jew kampjun tal-kodiċi QR)
    • Tippermetti servizzi backend biex ikunu live u aċċessibbli waqt ir-rieżami
    • Tinkludi spjegazzjonijiet dettaljati ta’ karatteristiċi li mhumiex ovvji u ta’ xiri fl-applikazzjoni fin-noti tar-Rieżami tal-App, filwaqt li tinkludi dokumentazzjoni ta’ sostenn fejn xieraq
    • Tiċċekkja jekk l-applikazzjoni tiegħek issegwix gwida f’dokumentazzjoni oħra, bħal:

    Linji gwida li jinkludu ASR u NR japplikaw għal Notarizzazzjoni għall-applikazzjonijiet iOS u iPadOS.

    1. Sikurezza

    Meta n-nies jinstallaw applikazzjoni mill-App Store, ikunu jridu jħossuhom kunfidenti li jistgħu jagħmlu dan b’mod sikur, li l-applikazzjoni ma jkunx fiha kontenut offensiv jew li jdejjaqhom, li ma tagħmilx ħsara lill-apparat tagħhom u li x’aktarx ma tikkawżax ħsara fiżika mill-użu tagħha. Hawn taħt iddeskrivejna l-akbar perikli, imma jekk qed tfittex li taħsad u toffendi lin-nies, l-App Store mhuwiex il-post it-tajjeb għall-applikazzjoni tiegħek. Xi wħud minn dawn ir-regoli huma wkoll inklużi fin-Notarizzazzjoni għall-applikazzjonijiet iOS u iPadOS.

    • 1.1 Kontenut Oġġezzjonabbli

      L-Applikazzjonijiet m’għandhomx jinkludu kontenut li huwa offensiv, insensittiv, li jdejjaq, maħsub biex jiddiżgusta, assolutament barra minn loku, jew sempliċiment tat-tkexkix. Eżempji ta’ kontenut bħal dan jinkludu:

      • 1.1.1 Kontenut malafamanti, diskriminatorju, jew kattiv, inklużi referenzi jew kummenti dwar ir-reliġjon, ir-razza, l-orjentazzjoni sesswali, il-ġeneru, l-oriġini nazzjonali/etnika, jew dwar gruppi oħra fil-mira, b’mod partikolari jekk l-applikazzjoni x’aktarx tumilja, tintimida, jew tagħmel ħsara lil individwu jew grupp fil-mira. Il-kittieba professjonali tas-satira politika u l-umoristi jkunu ġeneralment eżenti minn dan ir-rekwiżit.
      • 1.1.2 Deskrizzjonijiet realistiċi ta’ nies jew annimali li jkunu qed jinqatlu, jiġu mmutilati, ittorturati, jew abbużati, jew kontenut li jinkoraġġixxi l-vjolenza. L-“għedewwa” fil-kuntest ta’ logħba ma jistax ikollhom fil-mira razza, kultura, gvern reali, korporazzjoni, jew kwalunkwe entità reali waħda speċifika biss.
      • 1.1.3 Rappreżentazzjonijiet li jinkoraġġixxu l-użu illegali jew imprudenti ta’ armi u oġġetti perikolużi, jew li jiffaċilitaw ix-xiri ta’ armi tan-nar jew munizzjon.
      • 1.1.4 Materjal sesswali jew pornografiku sfaċċat, definit bħala “deskrizzjonijiet espliċiti jew wiri ta’ organi jew attivitajiet sesswali maħsuba biex jistimulaw sentimenti erotiċi aktar milli estetiċi jew emozzjonali.” Dan jinkludi applikazzjonijiet ta’ “tlaqqigħ” u applikazzjonijiet oħra li jistgħu jinkludu pornografija jew jintużaw biex jiffaċilitaw il-prostituzzjoni, jew it-traffikar u l-isfruttar tal-bnedmin.
      • 1.1.5 Kummentarju reliġjuż xewwiexi jew kwotazzjonijiet mhux eżatti jew qarrieqa ta’ testi reliġjużi.
      • 1.1.6ASR u NR Informazzjoni u karatteristiċi foloz, inkluża dejta tal-apparat mhux eżatta jew funzjonalità biex tidħak b’dak li jkun jew biex tiċċajta, bħal trekkjaturi tal-pożizzjoni finti. Li tiddikjara li l-applikazzjoni hija “għal skopijiet ta’ divertiment” mhux se jaffettwa din il-linja gwida. L-applikazzjonijiet li jippermettu telefonati jew messaġġi bl-SMS/MMS anonimi jew b’ċajta jiġu rrifjutati.
      • 1.1.7 Kunċetti ta’ ħsara li jikkapitalizzaw jew ifittxu li japprofittaw minn avvenimenti riċenti jew kurrenti, bħal kunflitti vjolenti, attakki terroristiċi u epidemiji.
    • 1.2 Kontenut Ġenerat mill-Utent

      Applikazzjonijiet b’kontenut iġġenerat mill-utent joħolqu sfidi partikolari, li jvarjaw minn ksur ta’ proprjetà intellettwali sa bullying anonimu. Biex jiġi evitat l-abbuż, l-applikazzjonijiet b’kontenut iġġenerat mill-utent jew servizzi ta’ networking soċjali jridu jinkludu:

      • Metodu biex jiġi ffiltrat materjal oġġezzjonabbli milli jitpoġġa fl-applikazzjoni
      • Mekkaniżmu biex jiġi rrapportat kontenut offensiv u rispons f’waqtu għat-tħassib
      • Il-kapaċità ta’ mblukkar ta’ utenti abbużivi mis-servizz
      • Informazzjoni ta’ kuntatt ippubblikata biex l-utenti jkunu jistgħu jilħquk faċilment

      Applikazzjonijiet b’kontenut iġġenerat mill-utent jew servizzi li jispiċċaw jintużaw primarjament għal kontenut pornografiku, esperjenzi bi stil ta’ Chatroulette, chat arbitrarja jew anonima, l-oġġettifikazzjoni ta’ nies reali (eż. votazzjoni “mazza jew le”), biex isir theddid fiżiku, jew bullying m’għandhomx post fl-App Store u jistgħu jitneħħew mingħajr avviż. Jekk l-applikazzjoni tiegħek tinkludi kontenut iġġenerat minn servizz ibbażat fuq il-web, tista’ turi kontenut matur “NSFW” (mhux adattat għall-post tax-xogħol) b’mod inċidentali, dment li l-kontenut ikun moħbi awtomatikament u jintwera biss meta l-utent jixegħlu permezz tas-sit web tiegħek.

      Hija r-responsabbiltà tiegħek li tneħħi kontenut li jikser din il-linja gwida, it-termini tas-servizz tiegħek, jew l-istandards tal-komunità tiegħek. Jekk insibu dan il-kontenut, se nitolbuk tneħħih, u nitolbuk tipprovdi pjan biex ittejjeb il-konformità tiegħek ma' din il-linja gwida. Abbażi tar-risposta tiegħek, l-applikazzjoni tiegħek tista’ titneħħa mill-App Store sakemm tkun tista’ turi titjib li jwassal biex l-applikazzjoni tiegħek tkun f’konformità ma’ din il-linja gwida. Imġiba gravi jew ripetuta hija raġuni għall-eliminazzjoni immedjata tal-applikazzjoni tiegħek mill-App Store, u mill-Apple Developer Program.

      • 1.2.1 Kontenut tal-Kreatur
        L-applikazzjonijiet li jinkludu kontenut minn komunità speċifika ta’ utenti msejħa “kreaturi” huma opportunità kbira jekk ikunu moderati kif suppost. Dawn l-applikazzjonijiet jippreżentaw esperjenza unika u unifikata għall-klijenti biex jinteraġixxu ma’ diversi tipi ta’ kontenut tal-kreaturi. Huma joffru għodod u programmi biex jgħinu lil din il-komunità ta’ kreaturi mhux żviluppaturi biex jiktbu, jaqsmu, u jagħmlu l-flus minn esperjenzi ġġenerati mill-utent. Dawn l-esperjenzi ma jridux jibdlu l-karatteristiċi ċentrali u l-funzjonalità tal-applikazzjoni nattiva, anzi, għandhom iżidu l-kontenut ma’ dawk l-esperjenzi strutturati. Dawn l-esperjenzi mhumiex “applikazzjonijiet” nattivi kodifikati mill-iżviluppaturi—huma kontenut fl-applikazzjoni nnifisha u t-Tim ta’ Rieżami tal-Apps jittrattahom bħala kontenut iġġenerat mill-utent. Dan il-kontenut tal-kreatur jista’ jinkludi vidjows, artikli, awdjo, u anki logħob każwali. L-App Store jappoġġa applikazzjonijiet li joffru tali kontenut iġġenerat mill-utent diment li jsegwu l-Linji Gwida kollha, inklużi l-Linja Gwida 1.2 dwar il-moderazzjoni ta’ kontenut iġġenerat mill-utent u l-Linja Gwida 3.1.1 dwar il-ħlasijiet u x-xiri fl-applikazzjoni. Għandek tikkomunika lill-utenti liema kontenut jeħtieġ xiri addizzjonali.
        • (a)ASR u NR L-applikazzjonijiet tal-kreaturi għandhom jipprovdu mod għall-utenti biex jidentifikaw kontenut li jaqbeż il-klassifikazzjoni tal-età tal-applikazzjoni, u jużaw mekkaniżmu ta’ restrizzjoni tal-età bbażat fuq l-età vverifikata jew iddikjarata biex jiġi llimitat l-aċċess minn utenti taħt l-età.
    • 1.3 Kategorija tat-Tfal

      Il-Kategorija tat-Tfal hija mod tajjeb ħafna biex in-nies isibu faċilment applikazzjonijiet iddisinjati apposta għat-tfal. Jekk trid tipparteċipa fil-Kategorija tat-Tfal, għandek tiffoka fuq il-ħolqien ta’ esperjenza sabiħa ħafna speċifikament għall-utenti ċkejknin. Dawn l-applikazzjonijiet ma jridux jinkludu links barra mill-applikazzjoni, opportunitajiet ta’ xiri, jew distrazzjonijiet oħrajn għat-tfal sakemm ma jkunux riżervati għal żona ddedikata f’sistema ta’ verifika mill-ġenituri (“parental gate”). Żomm f’moħħok li ladarba l-klijenti jistennew li l-applikazzjoni tiegħek issegwi r-rekwiżiti tal-Kategorija tat-Tfal, din trid tibqa’ tissodisfa dawn il-linji gwida f’aġġornamenti sussegwenti, anki jekk tiddeċiedi li tneħħi l-għażla tal-kategorija. Kun af aktar dwar is-sistemi ta’ verifika mill-ġenituri.

      Inti trid tikkonforma mal-liġijiet applikabbli madwar id-dinja dwar il-privatezza relatati mal-ġbir ta’ dejta mit-tfal online. Kun ċert li tirrieżamina t-Taqsima dwar il-privatezza ta’ dawn il-linji gwida għal aktar informazzjoni. Barra minn hekk, l-applikazzjonijiet tal-Kategorija tat-Tfal ma jistgħux jibagħtu informazzjoni dwar l-identità jew informazzjoni dwar l-apparat lil partijiet terzi. L-applikazzjonijiet fil-Kategorija tat-Tfal m’għandhomx jinkludu analitika minn partijiet terzi jew reklamar minn partijiet terzi. Dan jipprovdi esperjenza aktar sikura għat-tfal. F’każijiet limitati, l-analitika minn partijiet terzi tista’ tkun permessa dment li s-servizzi ma jiġbrux u ma jibagħtux l-IDFA (l-Identifikatur Għal Min Jirreklama) jew informazzjoni identifikabbli dwar it-tfal (bħall-isem, id-data tat-twelid, l-indirizz tal-email), il-post fejn jinsabu, jew l-apparat tagħhom. Dan jinkludi kwalunkwe apparat, network, jew informazzjoni oħra li tista’ tintuża direttament jew flimkien ma’ informazzjoni oħra biex jiġu identifikati l-utenti u l-apparat tagħhom. Ir-reklamar kuntestwali minn partijiet terzi jista’ wkoll ikun permess f’każijiet limitati dment li s-servizzi jkollhom prattiki u politiki dokumentati pubblikament għall-applikazzjonijiet tal-Kategorija tat-Tfal li jinkludu rieżami mill-bnedmin tal-adegwatezza tal-kreattivi tar-reklami għall-età.

    • 1.4ASR u NR Ħsara Fiżika

      Jekk l-applikazzjoni tiegħek taġixxi b’mod li toħloq riskju ta’ ħsara fiżika, nistgħu nirrifjutawha. Pereżempju:

      • 1.4.1ASR u NR Applikazzjonijiet mediċi li jistgħu jipprovdu dejta jew informazzjoni mhux eżatta, jew li jistgħu jintużaw għad-dijanjożi jew għat-trattament tal-pazjenti jistgħu jiġu rieżaminati bi skrutinju akbar.
        • L-applikazzjonijiet iridu jiżvelaw b’mod ċar id-dejta u l-metodoloġija biex jappoġġaw id-dikjarazzjonijiet dwar il-preċiżjoni relatati mal-kejl tas-saħħa, u jekk il-livell tal-preċiżjoni jew tal-metodoloġija ma jkunux jistgħu jiġu vvalidati, aħna nirrifjutaw l-applikazzjoni tiegħek. Pereżempju, l-applikazzjonijiet li jiddikjaraw li jieħdu r-raġġi X, ikejlu l-pressjoni tad-demm, it-temperatura tal-ġisem, il-livelli taz-zokkor fid-demm jew il-livelli tal-ossiġenu fid-demm billi jużaw biss is-sensuri fuq l-apparat mhumiex permessi.
        • L-applikazzjonijiet għandhom ifakkru lill-utenti biex ikellmu lit-tabib minbarra li jużaw l-applikazzjoni u qabel ma jieħdu xi deċiżjoni medika.
        Jekk l-applikazzjoni medika tiegħek tkun irċeviet awtorizzazzjoni regolatorja, jekk jogħġbok ipprovdi link għal dik id-dokumentazzjoni mal-applikazzjoni tiegħek.
      • 1.4.2ASR u NR Il-kalkolaturi tad-dożaġġ tal-mediċini jridu jiġu mill-manifattur tal-mediċina, minn sptar, università, kumpanija tal-assigurazzjoni tas-saħħa, spiżerija jew entità approvata oħra, jew jirċievu approvazzjoni mill-FDA (l-Amministrazzjoni tal-Ikel u l-Mediċini) jew minn waħda mill-kontropartijiet internazzjonali tagħha. Minħabba l-ħsara potenzjali għall-pazjenti, irridu nkunu ċerti li l-applikazzjoni tkun appoġġata u aġġornata fuq medda twila ta’ żmien.
      • 1.4.3 L-applikazzjonijiet li jinkoraġġixxu l-konsum ta’ prodotti tat-tabakk u tal-vaping, mediċini illegali, jew ammonti eċċessivi ta’ alkoħol mhumiex permessi. L-applikazzjonijiet li jinkoraġġixxu lill-minorenni biex jikkunsmaw kwalunkwe waħda minn dawn is-sustanzi se jiġu rrifjutati. L-iffaċilitar tal-bejgħ ta’ sustanzi kkontrollati (ħlief għall-ispiżeriji liċenzjati u l-ispiżeriji tal-kannabis legali liċenzjati jew awtorizzati mod ieħor), jew tat-tabakk mhuwiex permess.
      • 1.4.4ASR u NR L-applikazzjonijiet jistgħu juru biss il-postijiet ta’ kontroll tad-DUI (Sewqan taħt l-Influwenza tax-Xorb jew tad-Drogi) li jiġu ppubblikati mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, u qatt m’għandhom jinkoraġġixxu s-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb jew aġir imprudenti ieħor bħal veloċità eċċessiva.
      • 1.4.5ASR u NR L-applikazzjonijiet m’għandhomx jinkoraġġixxu lill-klijenti biex jipparteċipaw f’attivitajiet (bħal imħatri, sfidi, eċċ.) jew biex jużaw l-apparat tagħhom b’mod li joħloq riskju ta’ ħsara fiżika lilhom infushom jew lil ħaddieħor.
    • 1.5ASR u NR Informazzjoni dwar l-Iżviluppatur

      In-nies iridu jkunu jafu kif jikkuntattjawk b’mistoqsijiet u kwistjonijiet ta’ appoġġ. Kun żgur li l-applikazzjoni tiegħek u l-URL ta’ Appoġġ tagħha jinkludu mod faċli kif inti tiġi kkuntattjat; dan huwa partikolarment importanti għall-applikazzjonijiet li jistgħu jintużaw fil-klassi. Jekk inti tonqos milli tinkludi informazzjoni ta’ kuntatt preċiża u aġġornata mhux biss tħalli lill-klijenti ffrustrati, iżda tista’ tikser il-liġi f’ċerti pajjiżi jew reġjuni. Kun ċert ukoll li l-passijiet tal-Wallet jinkludu informazzjoni ta’ kuntatt valida mill-emittent u li jkunu ffirmati b’ċertifikat apposta assenjat lis-sid tal-marka jew tat-trademark tal-pass.

    • 1.6ASR u NR Sigurtà tal-Dejta

      L-applikazzjonijiet għandhom jimplimentaw miżuri ta’ sigurtà xierqa biex jiżguraw l-immaniġġjar xieraq tal-informazzjoni dwar l-utent miġbura skont il-Ftehim dwar Liċenzja tal-Apple Developer Program u dawn il-Linji Gwida (ara l-Linja Gwida 5.1 għal aktar informazzjoni) u jipprevjenu l-użu, l-iżvelar tagħha, jew l-aċċess mhux awtorizzat għaliha, minn partijiet terzi.

    • 1.7 Rapportar ta’ Attività Kriminali

      L-Applikazzjonijiet għar-rapportar ta’ allegazzjonijiet ta’ attività kriminali jridu jinvolvu l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi lokali, u jistgħu jiġu offruti biss f’pajjiżi jew reġjuni fejn tali involviment huwa attiv.

    2. Prestazzjoni

    • 2.1 Kompletezza tal-Applikazzjoni
      • (a)ASR u NR Is-sottomissjonijiet għar-Rieżami tal-App, inklużi l-applikazzjonijiet li tagħmel disponibbli għall-ordni minn qabel, għandhom ikunu verżjonijiet finali bil-metadata kollha meħtieġa u bil-URLs kompletament funzjonali inklużi; it-test tal-ispazju riżervat, siti web vojta u kontenut temporanju ieħor għandhom jitneħħew qabel is-sottomissjoni. Kun żgur li l-applikazzjoni tiegħek tkun ġiet ittestjata fuq l-apparat għal difetti u għall-istabbilità qabel ma tippreżentaha, u inkludi informazzjoni dwar il-kont demo (u ixgħel is-servizz back-end tiegħek!) jekk l-applikazzjoni tiegħek tinkludi login. Jekk ma tkunx tista’ tipprovdi kont demo minħabba obbligi legali jew ta’ sigurtà, tista’ tinkludi modalità demo inkorporata minflok kont demo b’approvazzjoni minn qabel minn Apple. Kun żgur li l-modalità demo turi l-karatteristiċi kollha u l-funzjonalità sħiħa tal-applikazzjoni tiegħek. Aħna se nirrifjutaw bundles ta’ applikazzjonijiet u binarji li jikkraxxjaw jew jeżebixxu problemi tekniċi ovvji.
      • (b) Jekk toffri x-xiri fl-applikazzjoni tiegħek, żgura li dan ikun komplut, aġġornat, viżibbli għar-reviżur u funzjonali. Jekk xi oġġetti tax-xiri kkonfigurati fl-applikazzjoni ma jistgħux jinstabu jew jiġu rieżminati fl-applikazzjoni tiegħek, spjega r-raġuni fin-noti tar-rieżami tiegħek.
    • 2.2 Ittestjar Beta

      Demos, betas, u verżjonijiet bi prova tal-applikazzjoni tiegħek m’għandhomx post fl-App Store – uża TestFlight minflok. Kwalunkwe applikazzjoni ppreżentata għad-distribuzzjoni beta permezz ta’ TestFlight għandha tkun maħsuba għad-distribuzzjoni pubblika u għandha tikkonforma mal-Linji Gwida dwar ir-Rieżami tal-Apps. Innota, madankollu, li l-applikazzjonijiet li jużaw TestFlight ma jistgħux jiġu ddistribwiti lit-testers bi skambju għal kumpens ta’ kwalunkwe tip, inkluż bħala premju għal finanzjament miksub b’mod kollettiv. Aġġornamenti sinifikanti fil-verżjoni finali tal-applikazzjoni tiegħek (beta build) għandhom jiġu ppreżentati lit-Tim tar-Rieżami tal-Apps ta’ TestFlight qabel ma din tiġi ddistribwita lit-testers tiegħek. Biex tkun taf aktar, żur il-paġna tal-Beta Testing fuq TestFlight.

    • 2.3ASR u NRMetadata Preċiża

      Il-klijenti għandhom ikunu jafu x’se jieħdu meta jniżżlu jew jixtru l-applikazzjoni tiegħek, u għalhekk kun ċert li l-metadata kollha tal-applikazzjoni tiegħek, inkluża l-informazzjoni dwar il-privatezza, id-deskrizzjoni, ir-ritratti tal-iskrin, u l-previżjonijiet tal-applikazzjoni tiegħek jirriflettu eżattament l-esperjenza ċentrali tal-applikazzjoni tiegħek u ftakar biex iżżommhom aġġornati b’verżjonijiet ġodda.

      • 2.3.1
        • (a)ASR u NR Tinkludix karatteristiċi moħbija, passivi, jew mhux dokumentati fl-applikazzjoni tiegħek; il-funzjonalità tal-applikazzjoni tiegħek għandha tkun ċara għall-utenti finali u għat-Tim responsabbli mir-Rieżami tal-Apps. Il-karatteristiċi l-ġodda kollha, il-funzjonalità u l-bidliet fil-prodott iridu jiġu deskritti b’mod speċifiku fit-taqsima tan-Noti għar-Rieżami ta’ App Store Connect (deskrizzjonijiet ġeneriċi jiġu rrifjutati) u jkunu aċċessibbli għar-rieżami. Bl-istess mod, il-kummerċjalizzazzjoni tal-applikazzjoni tiegħek b’mod qarrieqi, billi, pereżempju, tippromwovi kontenut jew servizzi li hija fil-fatt ma toffrix (eż. scanners ta’ viruses u malware ibbażati fuq l-iOS) jew tippromwovi prezz falz, kemm fl-App Store kif ukoll barra minnu, hija raġuni għat-tneħħija tal-applikazzjoni tiegħek mill-App Store jew għall-imblukkar mill-installazzjoni permezz ta’ distribuzzjoni alternattiva u għat-terminazzjoni tal-kont tal-iżviluppatur tiegħek.
        • (b) Imġiba ħażina ħafna jew ripetuta hija raġuni għat-tneħħija mill-Apple Developer Program. Aħna naħdmu ħafna biex nagħmlu l-App Store ekosistema affidabbli u nistennew li l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet tagħna jagħmlu l-istess; jekk inti diżonest, ma rridux nagħmlu negozju miegħek.
      • 2.3.2 Jekk l-applikazzjoni tiegħek tinkludi xiri fl-applikazzjoni, kun ċert li d-deskrizzjoni, ir-ritratti tal-iskrin u l-previżjonijiet tal-applikazzjoni tiegħek jindikaw b’mod ċar jekk kwalunkwe element, livell, abbonament, eċċ., inkluż jeħtieġx xiri addizzjonali. Jekk tiddeċiedi li tippromwovi xiri fl-applikazzjoni fl-App Store, kun żgur li l-Isem tal-Wiri, ir-Ritratt tal-Iskrin u d-Deskrizzjoni tax-xiri fl-applikazzjoni jkunu xierqa għal udjenza pubblika, li inti ssegwi l-gwida li ssib fi Promoting Your In-App Purchases (Kif Tippromwovi x-Xiri fl-Applikazzjoni Tiegħek), u li l-applikazzjoni tiegħek timmaniġġja kif xieraq il-metodu SKPaymentTransactionObserver biex il-klijenti jkunu jistgħu jagħmlu x-xiri mingħajr xkiel meta tibda taħdem l-applikazzjoni tiegħek.
      • 2.3.3 Ir-ritratti tal-iskrin għandhom juru l-applikazzjoni waqt l-użu, u mhux sempliċiment it-titolu artistiku, il-paġna tal-login, jew l-iskrin tal-bidu (splash screen). Jistgħu jinkludu wkoll sovrapożizzjoni ta’ kliem u immaġnijiet (eż. biex turi l-mekkaniżmi tal-input, bħal touch point animat jew Apple Pencil) u juru funzjonalità estiża fuq l-apparat, bħal Touch Bar.
      • 2.3.4 Il-previżjonijiet huma mod tajjeb ħafna għall-klijenti biex jaraw kif tidher l-applikazzjoni tiegħek u x’tagħmel. Biex tkun ċert li n-nies jifhmu x’se jieħdu bl-applikazzjoni tiegħek, il-previżjonijiet jistgħu jużaw biss ritratti tal-iskrin tal-vidjow tal-applikazzjoni nnifisha. Stikers u estensjonijiet tal-iMessage jistgħu juru l-esperjenza tal-utent fl-applikazzjoni tal-Messages. Tista’ żżid narrazzjoni u sovrapożizzjonijiet ta’ vidjow jew ta’ kliem biex tispjega kwalunkwe ħaġa li ma tkunx ċara mill-vidjow waħdu.
      • 2.3.5ASR u NR Agħżel l-aktar kategorija xierqa għall-applikazzjoni tiegħek, u ċċekkja d-Definizzjonijiet tal-Kategoriji fl-App Store jekk ikollok bżonn l-għajnuna. Jekk tkun żbaljat, nistgħu nibdlulek il-kategorija aħna stess.
      • 2.3.6ASR u NR Wieġeb il-mistoqsijiet dwar il-klassifikazzjoni tal-età f’App Store Connect b’mod onest biex l-applikazzjoni tiegħek tkun allinjata kif xieraq mal-kontrolli mill-ġenituri. Jekk l-applikazzjoni tiegħek tkun klassifikata ħażin, il-klijenti jistgħu jkunu sorpriżi b’dak li jiksbu, jew tista’ tiskatta investigazzjoni mir-regolaturi tal-gvern. Jekk l-applikazzjoni tiegħek tinkludi midja li tirrikjedi l-wiri ta’ klassifikazzjonijiet jew twissijiet dwar il-kontenut (eż. films, mużika, logħob, eċċ.), inti responsabbli biex tikkonforma mar-rekwiżiti lokali f’kull territorju fejn l-applikazzjoni tiegħek tkun disponibbli.
      • 2.3.7ASR u NR Agħżel isem uniku għall-applikazzjoni, agħti keywords li jiddeskrivu l-applikazzjoni tiegħek b’mod preċiż, u tippruvax timla l-metadata tiegħek b’termini ta’ xi trademark, ismijiet ta’ applikazzjonijiet popolari, informazzjoni dwar prezzijiet, jew frażijiet irrilevanti oħrajn sempliċiment biex timmanipula s-sistema. L-ismijiet tal-applikazzjonijiet iridu jkunu limitati għal 30 karattru. Il-metadata bħal ismijiet ta’ applikazzjonijiet, sottotitoli, ritratti tal-iskrin, u previżjonijiet m’għandhiex tinkludi prezzijiet, termini, jew deskrizzjonijiet li ma jkunux speċifiċi għat-tip ta’ metadata. Is-sottotitoli tal-applikazzjoni huma mod tajjeb ħafna biex tipprovdi kuntest addizzjonali għall-applikazzjoni tiegħek; dawn iridu jsegwu r-regoli standard tagħna dwar il-metadata u m’għandhomx jinkludu kontenut mhux xieraq, referenzi għal applikazzjonijiet oħrajn, jew jagħmlu dikjarazzjonijiet mhux verifikabbli dwar il-prodott. Apple tista’ timmodifika keywords mhux xierqa fi kwalunkwe ħin jew tieħu passi oħrajn meħtieġa biex tipprevjeni l-abbuż.
      • 2.3.8ASR u NR Il-metadata għandha tkun xierqa għall-udjenzi kollha, għalhekk kun żgur li l-ikoni, ir-ritratti tal-iskrin u l-previżjonijiet tal-applikazzjoni u tax-xiri fl-applikazzjoni tiegħek ikunu jaqblu ma’ klassifikazzjoni tal-età ta’ 4 snin ’il fuq anki jekk l-applikazzjoni tiegħek tkun klassifikata ogħla. Pereżempju, jekk l-applikazzjoni tiegħek tkun logħba li tinkludi l-vjolenza, agħżel immaġnijiet li ma jurux mewta kiefra jew pistola ppuntata lejn karattru speċifiku. L-użu ta’ termini bħal “Għat-Tfal” fil-metadata tal-applikazzjoni huwa riżervat fl-App Store għall-Kategorija tat-Tfal. Ftakar biex tiżgura li l-metadata tiegħek, inkluż l-isem tal-applikazzjoni u l-ikoni (żgħar, kbar, l-applikazzjoni ta’ Apple Watch, ikoni alternattivi, eċċ.), ikunu simili biex tevita li toħloq konfużjoni.
      • 2.3.9 Inti responsabbli biex tikseb id-drittijiet għall-użu tal-materjali kollha fl-ikoni, fir-ritratti tal-iskrin u fil-previżjonijiet tal-applikazzjoni tiegħek, u għandek turi informazzjoni ta’ kont fittizju minflok dejta minn persuna reali.
      • 2.3.10 Kun ċert li l-applikazzjoni tiegħek tiffoka fuq l-esperjenza tal-pjattaformi ta’ Apple li tappoġġja, u tinkludix ismijiet, ikoni, jew immaġnijiet ta’ pjattaformi mobbli oħrajn jew ta’ swieq ta’ applikazzjonijiet alternattivi fl-applikazzjoni jew fil-metadata tiegħek, sakemm ma jkunx hemm funzjonalità interattiva speċifika u approvata. Kun ċert li l-metadata tal-applikazzjoni tiegħek tiffoka fuq l-applikazzjoni nnifisha u l-esperjenza tagħha. Tinkludix informazzjoni irrilevanti.
      • 2.3.11 L-applikazzjonijiet li tippreżenta għall-ordni minn qabel fl-App Store iridu jkunu kompluti u lesti biex jiġu kkonsenjati kif ippreżentati. Kun żgur li l-applikazzjoni li finalment toħroġ ma tkunx materjalment differenti minn dak li tirreklama sakemm l-applikazzjoni tkun fil-fażi tal-ordnijiet minn qabel. Jekk tagħmel bidliet materjali fl-applikazzjoni (eż. tibdel il-mudelli ta’ negozju), għandek tibda l-bejgħ tal-ordnijiet minn qabel mill-ġdid.
      • 2.3.12 L-applikazzjonijiet iridu jiddeskrivu b’mod ċar karatteristiċi ġodda u bidliet fil-prodott fit-test “What’s New” (X’hemm Ġdid) tagħhom. Tiswijiet ta’ difetti sempliċi, aġġornamenti tas-sigurtà, u titjib fil-prestazzjoni jistgħu jiddependu fuq deskrizzjoni ġenerika, iżda bidliet aktar sinifikanti jridu jiġu elenkati fin-noti.
      • 2.3.13 L-avvenimenti fl-applikazzjoni huma avvenimenti f’waqthom li jseħħu fl-applikazzjoni tiegħek. Biex tinkludi l-avveniment tiegħek fl-App Store, dan irid jaqa’ taħt tip ta’ avveniment ipprovdut f’App Store Connect. Il-metadata kollha tal-avveniment trid tkun preċiża u tirrigwarda lill-avveniment innifsu, aktar milli l-applikazzjoni b’mod aktar ġenerali. L-avvenimenti jridu jseħħu fil-ħinijiet u d-dati li inti tagħżel f’App Store Connect, inkluż f’diversi storefronts. Tista’ tagħmel dħul mill-avveniment tiegħek dment li ssegwi r-regoli stipulati fit-Taqsima 3 dwar in-Negozju. U d-deep link tal-avveniment tiegħek trid tieħu lill-utenti fid-destinazzjoni xierqa fl-applikazzjoni tiegħek. Aqra In-App Events (Avvenimenti fl-Applikazzjoni) għal gwida dettaljata dwar metadata aċċettabbli tal-avvenimenti u d-deep links tal-avvenimenti.
    • 2.4 Kompatibbiltà tal-Hardware
      • 2.4.1 Biex tiżgura li n-nies jieħdu l-aħjar possibbli mill-applikazzjoni tiegħek, l-applikazzjonijiet tal-iPhone għandhom jaħdmu fuq iPad kull meta jkun possibbli. Inħeġġuk tikkunsidra li tibni applikazzjonijiet sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jużawhom fuq l-apparati kollha tagħhom.
      • 2.4.2ASR u NR Iddisinja l-applikazzjoni tiegħek b’tali mod li tuża l-enerġija b’mod effiċjenti u li tintuża b’mod li ma toħloqx riskju ta’ ħsara lill-apparat. L-applikazzjonijiet m’għandhomx jaħlu l-batterija malajr, jiġġeneraw sħana eċċessiva, jew ipoġġu pressjoni bla bżonn fuq ir-riżorsi tal-apparat. Pereżempju, l-applikazzjonijiet m’għandhomx jinkoraġġixxu li l-apparat jitqiegħed taħt saqqu jew imħadda waqt li jkun qed jiċċarġja jew iwettqu ċikli ta’ kitba eċċessivi fis-solid state drive. L-applikazzjonijiet, inkluż kwalunkwe reklam ta’ parti terza muri fihom, ma jistgħux iħaddmu proċessi mhux relatati fl-isfond, bħall-estrazzjoni ta’ kriptovaluti.
      • 2.4.3 In-nies għandhom ikunu jistgħu jużaw l-applikazzjoni tal-Apple TV tiegħek mingħajr il-ħtieġa ta’ inputs ta’ hardware minbarra l-kontroll mill-bogħod ta’ Siri jew kontrolluri tal-logħob ta’ partijiet terzi, iżda inti liberu li tipprovdi funzjonalità mtejba meta periferali oħrajn ikunu konnessi. Jekk tkun teħtieġ kontrollur tal-logħob, kun żgur li dan tispjegah b’mod ċar fil-metadata tiegħek biex il-klijenti jkunu jafu li jeħtieġu tagħmir addizzjonali biex jilagħbu.
      • 2.4.4ASR u NR L-applikazzjonijiet qatt m’għandhom jissuġġerixxu jew jirrikjedu li l-apparat jintefa u jinxtegħel mill-ġdid jew li jsiru modifiki fis-settings tas-sistema li ma jkunux relatati mal-funzjonalità ċentrali tal-applikazzjoni. Pereżempju, tinkoraġġixxix lill-utenti biex jitfu l-Wi-Fi, jiddiżattivaw karatteristiċi ta’ sigurtà, eċċ.
      • 2.4.5 L-applikazzjonijiet distribwiti permezz tal-Mac App Store għandhom xi rekwiżiti addizzjonali li għandek iżżomm f’moħħok:
        • (i) Iridu jkunu iżolati kif xieraq, u jsegwu l-macOS File System Documentation (Dokumentazzjoni tas-Sistema ta’ Fajls macOS). Għandhom jużaw ukoll l-Interfaċċi għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet (APIs) xierqa tal-macOS biss biex jimmodifikaw id-dejta tal-utenti maħżuna minn applikazzjonijiet oħra (eż. bookmarks, Ktieb tal-Indirizzi, jew entrati fil-Kalendarju).
        • (ii) Għandhom jiġu ppakkjati u ppreżentati permezz ta’ teknoloġiji pprovduti f’Xcode; mhumiex permessi installaturi terzi. Iridu jkunu wkoll bundles ta’ installazzjoni tal-applikazzjonijiet singoli u awtonomi, u ma jistgħux jinstallaw kodiċi jew riżorsi f’postijiet kondiviżi.
        • (iii) Ma jistgħux jibdew jaħdmu waħedhom jew ikollhom xi kodiċi ieħor jaħdem b’mod awtomatiku malli jinxtegħel l-apparat jew mal-login mingħajr kunsens u lanqas joħolqu proċessi li jkomplu jaħdmu mingħajr il-kunsens wara li utent ikun ħareġ mill-applikazzjoni. M’għandhomx iżidu l-ikoni tagħhom awtomatikament fid-Dock jew iħallu shortcuts fuq id-desktop tal-utent.
        • (iv) Ma jistgħux iniżżlu jew jinstallaw applikazzjonijiet awtonomi, kexts, kodiċi addizzjonali, jew riżorsi biex iżidu l-funzjonalità jew jibdlu b’mod sinifikanti l-applikazzjoni minn dak li naraw waqt il-proċess ta’ rieżami.
        • (v) Ma jistgħux jitolbu l-eskalazzjoni għal privileġġi essenzjali jew jużaw attributi ta’ setuid.
        • (vi) Ma jistgħux jippreżentaw skrin ta’ liċenzja x’ħin jibdew jaħdmu, jirrikjedu kodiċijiet ta’ liċenzji, jew jimplimentaw il-protezzjoni kontra l-ikkuppjar tagħhom stess.
        • (vii) Iridu jużaw il-Mac App Store biex jiddistribwixxu l-aġġornamenti; mhumiex permessi mekkaniżmi ta’ aġġornament oħrajn.
        • (viii) L-applikazzjonijiet għandhom jaħdmu fuq is-Sistema Operattiva (OS) li attwalment tiġi mal-prodotti u ma jistgħux jużaw teknoloġiji mhux rakkomandati jew installati b’mod fakultattiv (eż. Java)
        • (ix) L-applikazzjonijiet iridu jinkludu l-appoġġ għal-lingwi u l-lokalizzazzjoni f’bundle waħda ta’ applikazzjonijiet.
    • 2.5 Rekwiżiti ta’ Software
      • 2.5.1ASR u NR L-applikazzjonijiet jistgħu jużaw biss APIs pubbliċi u jridu jaħdmu fuq is-Sistema Operattiva li attwalment tiġi mal-prodott. Kun af aktar dwar l-APIs pubbliċi. Żomm l-applikazzjonijiet tiegħek aġġornati u kun żgur li tneħħi gradwalment kwalunkwe karatteristika, qafas jew teknoloġija mhux rakkomandati li mhumiex se jibqgħu appoġġati f’verżjonijiet futuri ta’ Sistema Operattiva. L-applikazzjonijiet għandhom jużaw APIs u oqfsa għall-iskopijiet maħsuba tagħhom u jindikaw dik l-integrazzjoni fid-deskrizzjoni tal-applikazzjoni tagħhom. Pereżempju, il-qafas ta’ HomeKit għandu jipprovdi servizzi ta’ awtomatizzazzjoni għad-dar; u HealthKit għandu jintuża għal skopijiet ta’ saħħa u fitness u jintegra mal-applikazzjoni dwar is-Saħħa.
      • 2.5.2ASR u NR L-applikazzjonijiet għandhom ikunu awtonomi fil-bundles tagħhom, u ma jistgħux jaqraw jew jiktbu dejta barra miż-żona tal-kontenitur magħżul tagħhom, u lanqas ma jistgħu jniżżlu, jinstallaw, jew jeżegwixxu kodiċi li jintroduċi jew jibdel il-karatteristiċi jew il-funzjonalità tal-applikazzjoni, inklużi applikazzjonijiet oħrajn. L-applikazzjonijiet edukattivi mfassla biex jgħallmu, jiżviluppaw, jew jippermettu lill-istudenti jittestjaw kodiċi eżegwibbli, f’ċirkustanzi limitati, jistgħu jniżżlu kodiċi sakemm dan il-kodiċi ma jintużax għal skopijiet oħrajn. Applikazzjonijiet bħal dawn iridu jagħmlu l-kodiċi tas-sors ipprovdut mill-applikazzjoni kompletament viżibbli u li jkun jista’ jiġi editjat mill-utent.
      • 2.5.3ASR u NR L-applikazzjonijiet li jittrażmettu viruses, fajls, kodiċijiet tal-kompjuter, jew programmi li jistgħu jagħmlu ħsara jew ifixklu l-operazzjoni normali tas-sistema operattiva u/jew karatteristiċi tal-hardware, inklużi l-Push Notifications u l-Game Center, se jiġu rrifjutati. Ksur serju u mġiba ripetuta jirriżultaw fit-tneħħija mill-Apple Developer Program.
      • 2.5.4ASR u NR L-applikazzjonijiet b’diversi kompiti jistgħu jużaw biss servizzi fl-isfond għall-iskopijiet maħsuba tagħhom: VoIP, daqq ta’ awdjo, pożizzjonament, twettiq ta’ kompiti, notifiki lokali, eċċ.
      • 2.5.5 L-applikazzjonijiet iridu jiffunzjonaw kompletament fuq networks IPv6 biss.
      • 2.5.6ASR u NR L-applikazzjonijiet li jibbrawżjaw il-web iridu jużaw il-qafas xieraq ta’ WebKit u l-JavaScript ta’ WebKit. Tista’ tapplika għal intitolament biex tuża brawżer tal-web alternattiv fl-applikazzjoni tiegħek. Tgħallem aktar dwar dawn l-intitolamenti għall-UE u l-Ġappun.
      • 2.5.7 Tħalla barra intenzjonalment.
      • 2.5.8 Applikazzjonijiet li joħolqu ambjenti alternattivi tad-desktop/tal-iskrin tal-paġna ewlenija se jiġu rrifjutati.
      • 2.5.9ASR u NR L-applikazzjonijiet li jibdlu jew jiddiżattivaw il-funzjonijiet ta’ swiċċijiet standard, bħall-iswiċċ biex Iżżid/Tnaqqas il-Volum jew l-iswiċċ biex tagħmel il-mobile Jdoqq/Sieket, jew ta’ elementi jew imġiba oħrajn nattivi tal-interfaċċa tal-utent, se jiġu rrifjutati. Pereżempju, l-applikazzjonijiet m’għandhomx jimblukkaw links għal applikazzjonijiet jew karatteristiċi oħrajn li l-utenti jistennew li jaħdmu b’ċertu mod.
      • 2.5.10 Tħalla barra intenzjonalment.
      • 2.5.11ASR u NR SiriKit u Shortcuts
        • (i) L-applikazzjonijiet li jintegraw SiriKit u Shortcuts għandhom jidħlu biss għal intenzjonijiet li jistgħu jimmaniġġjaw mingħajr l-appoġġ ta’ applikazzjoni oħra u li l-utenti jistennew mill-funzjonalità ddikjarata. Pereżempju, jekk l-applikazzjoni tiegħek hija applikazzjoni għall-ippjanar tal-ikliet, m’għandekx tinkorpora intenzjoni li tibda sessjoni ta’ eżerċizzju fiżiku, anki jekk l-applikazzjoni tikkondividi integrazzjoni ma’ applikazzjoni tal-fitness.
        • (ii) Kun żgur li l-vokabularju u s-sentenzi fil-plist tiegħek jappartjenu għall-applikazzjoni tiegħek u għall-funzjonalità ta’ Siri tal-intenzjonijiet li l-applikazzjoni rreġistrat għalihom. Il-psewdonimi jridu jkunu relatati direttament mal-applikazzjoni jew mal-isem tal-kumpanija tiegħek u m’għandhomx ikunu termini ġeneriċi jew jinkludu ismijiet ta’ applikazzjonijiet jew servizzi ta’ partijiet terzi.
        • (iii) Solvi l-mistoqsija lil Siri jew ix-Shortcut bl-aktar mod dirett possibbli u ddaħħalx reklami jew kummerċjalizzazzjoni oħra bejn il-mistoqsija u t-tweġiba għaliha. Itlob diżambigwazzjoni biss meta tkun meħtieġa biex twettaq il-kompitu (eż. tistaqsi lill-utent jispeċifika tip partikolari ta’ eżerċizzju fiżiku).
      • 2.5.12ASR u NR L-applikazzjonijiet li jużaw CallKit jew li jinkludu Estensjoni tal-Frodi tal-SMS għandhom jimblukkaw biss numri tat-telefown li jkunu kkonfermati bħala spam. L-applikazzjonijiet li jkunu jinkludu l-funzjonalità ta’ imblukkar ta’ telefonati, SMS u MMS jew identifikazzjoni tal-ispam iridu jidentifikaw b’mod ċar dawn il-karatteristiċi fit-test tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom u jispjegaw il-kriterji għal-listi mblukkati u l-ispam. Ma tistax tuża d-dejta aċċessata permezz ta’ dawn l-għodod għal kwalunkwe skop mhux relatat direttament mat-tħaddim jew mat-titjib tal-applikazzjoni jew tal-estensjoni tiegħek (eż. ma tistax tużaha, tikkondividiha, jew tbigħha għal skopijiet ta’ trekkjar, biex toħloq profili tal-utent, eċċ.).
      • 2.5.13ASR u NR L-applikazzjonijiet li jużaw ir-rikonoxximent tal-wiċċ għall-awtentikazzjoni tal-kont iridu jużaw LocalAuthentication (u mhux ARKit jew teknoloġija ta’ rikonoxximent tal-wiċċ oħra) meta jkun possibbli, u jridu jużaw metodu ta’ awtentikazzjoni alternattiva għall-utenti taħt it-13-il sena.
      • 2.5.14ASR u NR L-applikazzjonijiet iridu jitolbu l-kunsens espliċitu tal-utent u jipprovdu indikazzjoni viżiva u/jew li tinstema’ ċara meta jkunu qed jirrekordjaw, jilloggjaw, jew iżommu b’xi mod ieħor rekord tal-attività tal-utent. Dan jinkludi kwalunkwe użu tal-kamera tal-apparat, tal-mikrofonu, rekordings tal-iskrin, jew inputs oħrajn tal-utent.
      • 2.5.15 L-applikazzjonijiet li jippermettu lill-utenti jaraw u jagħżlu l-fajls għandhom jinkludu elementi mill-applikazzjoni tal-Fajls u d-dokumenti fl-iCloud tal-utent.
      • 2.5.16ASR u NR Il-widgets, l-estensjonijiet, u n-notifiki għandhom ikunu relatati mal-kontenut u l-funzjonalità tal-applikazzjoni tiegħek.
        • (a) Barra minn hekk, il-karatteristiċi kollha u l-funzjonalità tal-App Clip iridu jkunu inklużi fil-binarju ewlieni tal-applikazzjoni. App Clips ma jistgħux jinkludu reklamar.
      • 2.5.17ASR u NR L-applikazzjonijiet li jappoġġjaw Matter iridu jużaw il-qafas ta’ appoġġ ta’ Apple għal Matter biex jinbeda l-akkoppjament. Barra minn hekk, jekk tagħżel li tuża kwalunkwe komponent tas-software ta’ Matter fl-applikazzjoni tiegħek minbarra l-Matter SDK ipprovdut minn Apple, il-komponent tas-software irid ikun iċċertifikat mill-Connectivity Standards Alliance (Alleanza tal-Istandards ta’ Konnettività) għall-pjattaforma li jaħdem fuqha.
      • 2.5.18ASR u NR Ir-reklamar bl-immaġnijiet għandu jkun limitat għall-binarju ewlieni tal-applikazzjoni tiegħek, u m’għandux ikun inkluż fl-estensjonijiet, fl-App Clips, fil-widgets, fin-notifiki, fit-tastieri, fl-applikazzjonijiet tal-watchOS, eċċ. Ir-reklami murija f’applikazzjoni jridu jkunu xierqa għall-klassifikazzjoni tal-età tal-applikazzjoni, jippermettu lill-utent jara l-informazzjoni kollha użata biex dak ir-reklam intgħażel apposta għalih (mingħajr ma l-utent ikollu joħroġ mill-app), u ma jistgħux jagħmlu reklamar immirat jew li jagħraf l-imġiba abbażi ta’ dejta sensittiva tal-utent bħal dejta dwar is-saħħa/medika tal-utent (eż. mill-APIs ta’ HealthKit), dejta dwar l-iskola u l-klassi (eż. minn ClassKit), jew dwar it-tfal (eż. minn applikazzjonijiet fl-App Store fil-Kategorija tat-Tfal), eċċ. Reklami interstizjali jew reklami li jinterrompu jew jimblukkaw l-esperjenza tal-utent iridu jindikaw b’mod ċar li huma reklam, ma jridux jimmanipulaw jew iqarrqu bl-utenti biex jidħlu fuqhom, u jridu jipprovdu buttuni biex jingħalqu jew jinqabżu aċċessibbli u viżibbli faċilment u kbar biżżejjed biex in-nies ineħħu r-reklam faċilment. Applikazzjonijiet li fihom ir-reklami jrid ikollhom ukoll il-kapaċità li l-utenti jirrappurtaw kwalunkwe reklam mhux xieraq jew mhux adegwat għall-età.

    3. Negozju

    Hemm ħafna modi kif tagħmel dħul mill-applikazzjoni tiegħek fl-App Store. Jekk il-mudell tan-negozju tiegħek mhuwiex ovvju, kun ċert li tispjegah fil-metadata tal-applikazzjoni u fin-noti tar-Rieżami tal-App. Jekk ma nkunux nistgħu nifhmu kif taħdem l-applikazzjoni tiegħek jew jekk ix-xiri fl-applikazzjoni tiegħek ma jkunx ovvju minnufih, dan se jittardja r-rieżami tiegħek u jista’ jwassal għal rifjut. U għalkemm l-ipprezzar ikun f’idejk, m’aħniex se niddistribwixxu applikazzjonijiet u oġġetti ta’ xiri fl-applikazzjoni li jkunu serq sfaċċat. Aħna nirrifjutaw applikazzjonijiet għaljin li jippruvaw jiffrodaw lill-utenti bi prezzijiet għoljin b’mod irrazzjonali.

    Jekk niskopru li ppruvajt timmanipula r-reċensjonijiet, tkabbar il-pożizzjoni tiegħek fil-klassifiki b’feedback imħallas, inċentivat, iffiltrat jew falz, jew taqbad ma’ servizzi ta’ partijiet terzi biex jagħmlu dan f’ismek, se nieħdu passi biex nippreżervaw l-integrità tal-App Store, li jistgħu jinkludu l-espulsjoni tiegħek mill-Apple Developer Program.

    • 3.1 Ħlasijiet
      • 3.1.1 Xiri fl-Applikazzjoni:
        • Jekk trid tiftaħ karatteristiċi jew funzjonalità fl-applikazzjoni tiegħek, (pereżempju: abbonamenti, valuti fil-logħba, livelli tal-logħba, aċċess għal kontenut ta’ livell ogħla, jew tikseb verżjoni sħiħa), trid tuża x-xiri fl-applikazzjoni. L-applikazzjonijiet ma jistgħux jużaw il-mekkaniżmi tagħhom stess biex jiksbu kontenut jew funzjonalità, bħal kodiċijiet ta’ liċenzja, markaturi tar-realtà awmentata, kodiċijiet QR, kriptovaluti u wallets tal-kriptovaluti, eċċ.
        • L-applikazzjonijiet jistgħu jużaw valuti tax-xiri fl-applikazzjoni biex jippermettu lill-klijenti jagħtu “tipp” lill-iżviluppatur jew lill-fornituri tal-kontenut diġitali fl-applikazzjoni.
        • Kwalunkwe kreditu jew valuta fil-logħba mixtrija permezz tax-xiri fl-applikazzjoni ma tistax tiskadi, u għandek tassigura li jkollok mekkaniżmu ta’ restawr għal kwalunkwe xiri fl-applikazzjoni li jista’ jiġi rrestawrat.
        • L-applikazzjonijiet jistgħu jippermettu li oġġetti li jkunu eliġibbli għax-xiri fl-applikazzjoni jiġu mogħtija bħala rigal lil ħaddieħor. Dawn ir-rigali jistgħu jitħallsu lura biss lix-xerrej oriġinali u ma jistgħux jiġu skambjati.
        • L-applikazzjonijiet distribwiti permezz tal-Mac App Store jistgħu jospitaw plug-ins jew estensjonijiet li jkunu ffaċilitati b’mekkaniżmi differenti mill-App Store.
        • L-applikazzjonijiet li joffru kaxxi ta’ premji (“loot boxes”) jew mekkaniżmi oħrajn li jipprovdu oġġetti virtwali aleatorji għax-xiri jridu jiżvelaw lill-klijenti l-probabbiltà li jirċievu kull tip ta’ oġġett qabel ix-xiri.
        • Kards li jissarfu f’rigal, ċertifikati, vawċers u kupuni diġitali li jistgħu jissarfu f’oġġetti jew servizzi diġitali jistgħu jinbiegħu biss fl-applikazzjoni tiegħek bl-użu tax-xiri fl-applikazzjoni. Rigali f’forma ta’ kards fiżiċi tar-rigali li jinbiegħu f’applikazzjoni u mbagħad jintbagħtu lill-klijenti bil-posta jistgħu jużaw metodi ta’ ħlas għajr ix-xiri fl-applikazzjoni.
        • L-applikazzjonijiet mingħajr abbonament jistgħu joffru perjodu ta’ prova mingħajr ħlas ibbażat fuq il-ħin qabel ma jippreżentaw l-għażla ta’ aċċess għall-użu sħiħ billi jistabbilixxu oġġett ta’ Xiri fl-Applikazzjoni (IAP) Mhux Konsumabbli fil-Livell 0 tal-Prezzijiet li jsegwi l-konvenzjoni tal-isem: “Prova ta’ XX jum.” Qabel ma tibda l-prova, l-applikazzjoni tiegħek trid tidentifika b’mod ċar kemm iddum din il-prova, il-kontenut jew is-servizzi li ma jibqgħux aċċessibbli meta tintemm il-prova, u kwalunkwe ħlas downstream li l-utent ikun irid jagħmel biex jikseb il-funzjonalità sħiħa. Sir af aktar dwar kif timmaniġġja l-aċċess għall-kontenut u t-tul ta’ żmien tal-perjodu ta’ prova billi tuża l-Irċevuti u l-Verifika tal-Apparat.
        • L-applikazzjonijiet jistgħu jużaw ix-xiri fl-applikazzjoni biex ibigħu u biex ibigħu servizzi relatati ma’ tokens mhux funġibbli (non-fungible tokens – NFTs), bħall-istampar ta’ flus (minting), l-elenkar (listing) u t-trasferiment (transferring). L-applikazzjonijiet jistgħu jippermettu lill-utenti jaraw l-NFTs tagħhom stess, sakemm is-sjieda ta’ NFTs ma tiftaħx karatteristiċi jew funzjonalità fl-applikazzjoni. L-applikazzjonijiet jistgħu jippermettu lill-utenti jibbrawżjaw il-ġabriet ta’ NFTs ta’ ħaddieħor, bil-kundizzjoni li, ħlief għall-applikazzjonijiet fil-ħanut tal-Istati Uniti, l-applikazzjonijiet ma jkunux jinkludu buttuni, links esterni, jew sejħiet oħra għall-azzjoni li jieħdu lill-klijenti lejn mekkaniżmi ta’ xiri għajr ix-xiri fl-applikazzjoni.
      • 3.1.2 Abbonamenti: L-applikazzjonijiet jistgħu joffru abbonamenti ta’ xiri fl-applikazzjoni li jiġġeddu awtomatikament, irrispettivament mill-kategorija fl-App Store. Meta tinkorpora abbonamenti li jiġġeddu awtomatikament fl-applikazzjoni tiegħek, kun ċert li ssegwi l-linji gwida t’hawn taħt.
      • 3.1.2(a) Użi permissibbli: Jekk toffri abbonament li jiġġedded awtomatikament, inti trid tipprovdi valur kontinwu lill-klijent, u l-perjodu tal-abbonament irid idum mill-inqas sebat ijiem u jkun disponibbli fuq l-apparati kollha tal-utent. Filwaqt li l-lista li ġejja mhijiex eżawrjenti, eżempji ta’ abbonamenti xierqa jinkludu: livelli ġodda tal-logħba; kontenut episodiku; appoġġ għal diversi plejers; applikazzjonijiet li joffru aġġornamenti konsistenti u sostantivi; aċċess għal ġabriet kbar ta’ kontenut tal-midja, jew ta’ kontenut tal-midja li jiġi aġġornat kontinwament; software bħala servizz (software as a service – “SAAS”); u appoġġ fuq il-cloud. Barra minn hekk:
        • L-abbonamenti jistgħu jiġu offruti flimkien ma’ offerti à la carte (eż. tista’ toffri abbonament għal librerija sħiħa ta’ films kif ukoll ix-xiri jew il-kiri ta’ film wieħed).
        • Il-logħob offrut f’abbonament ta’ servizz ta’ strimjar ta’ logħob jista’ joffri abbonament wieħed li jinqasam fuq applikazzjonijiet u servizzi ta’ partijiet terzi; madankollu, dan irid jitniżżel direttament mill-App Store, irid ikun iddisinjat b’mod li jevita l-ħlas doppju minn abbonat, u m’għandux ipoġġi lill-klijenti mhux abbonati fi żvantaġġ.
        • L-abbonamenti jridu jaħdmu fuq l-apparati kollha tal-utent li fuqu l-applikazzjoni tkun disponibbli. Tgħallem aktar dwar il-kondiviżjoni ta’ abbonament fl-applikazzjonijiet tiegħek.
        • Bħal fil-każ tal-applikazzjonijiet kollha, dawk li joffru l-abbonamenti għandhom jippermettu lil utent jieħu dak li jkun ħallas għalih mingħajr ma jwettqu kompiti oħrajn, bħal li jtella’ post fuq il-midja soċjali, itella’ l-kuntatti, jidħol fl-applikazzjoni ċertu numru ta’ drabi, eċċ.
        • L-abbonamenti jistgħu jinkludu krediti konsumabbli, gems, valuti fil-logħba, eċċ., u tista’ toffri abbonamenti li jinkludu aċċess għal oġġetti konsumabbli skontati (eż. sħubija platinu li tesponi pakketti ta’ gems għal prezz imraħħas).
        • Jekk se tibdel l-applikazzjoni eżistenti tiegħek għal mudell ta’ negozju bbażat fuq l-abbonament, m’għandekx tneħħi l-funzjonalità primarja li l-utenti eżistenti diġà ħallsu għaliha. Pereżempju, ħalli lill-klijenti li jkunu diġà xtraw “użu sħiħ tal-logħba” ikomplu jaċċessaw il-logħba sħiħa wara li tintroduċi mudell ta’ abbonament għal klijenti ġodda.
        • L-applikazzjonijiet b’abbonament li jiġġedded awtomatikament jistgħu joffru perjodu ta’ prova mingħajr ħlas lill-klijenti billi jipprovdu l-informazzjoni rilevanti stipulata f’App Store Connect. Sir af aktar dwar kif tipprovdi offerti ta’ abbonament.
        • L-applikazzjonijiet li jippruvaw iqarrqu bl-utenti se jitneħħew mill-App Store. Dan jinkludi applikazzjonijiet li jippruvaw iqarrqu bl-utenti biex jixtru abbonament abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew li jwettqu prattiki fejn ibigħu oġġett inferjuri għal dak li jwiegħdu (“bait-and-switch”) u skemi frawdolenti (“scams”); dawn se jitneħħew mill-App Store u inti tista’ titneħħa mill-Apple Developer Program.
        • L-applikazzjonijiet tal-mezzi ċellulari jistgħu jinkludu abbonamenti ta’ mużika u vidjows li jiġġeddu awtomatikament meta jinxtraw f’bundles bi pjanijiet ta’ dejta ċellulari ġodda, bl-approvazzjoni minn qabel ta’ Apple. Abbonamenti oħra li jiġġeddu awtomatikament jistgħu wkoll jiġu inklużi f’bundles meta jinxtraw bi pjanijiet ta’ dejta ċellulari ġodda, b’approvazzjoni minn qabel ta’ Apple, jekk l-applikazzjonijiet tal-mezzi ċellulari jappoġġjaw ix-xiri fl-applikazzjoni għall-utenti. Abbonamenti bħal dawn ma jistgħux jinkludu aċċess għal jew skontijiet fuq oġġetti konsumabbli, u l-abbonamenti għandhom jintemmu fl-istess żmien mal-pjan tad-dejta ċellulari.
      • 3.1.2(b) Titjib u Tnaqqis: L-utenti għandu jkollhom esperjenza ta’ titjib/tnaqqis mingħajr xkiel u m’għandhomx ikunu jistgħu jabbonaw bla ma jridu għal diversi varjazzjonijiet tal-istess ħaġa. Irrieżamina l-aħjar prattiki dwar kif timmaniġġja l-għażliet ta’ titjib u ta’ tnaqqis tal-abbonament tiegħek.
      • 3.1.2(c) Informazzjoni dwar l-Abbonament: Qabel ma tistaqsi lil klijent biex jabbona, inti għandek tiddeskrivi b’mod ċar x’se jieħu l-utent b’dak il-prezz. Kemm-il edizzjoni f’xahar? Kemm cloud storage? X’tip ta’ aċċess għas-servizz tiegħek? Żgura li tikkomunika b’mod ċar ir-rekwiżiti deskritti fi Skeda 2 tal-Ftehim dwar il-Liċenzja ta’ Apple Developer Program.
      • 3.1.3 Metodi Oħrajn ta’ Xiri: Dawn l-applikazzjonijiet li ġejjin jistgħu jużaw metodi ta’ xiri differenti mix-xiri fl-applikazzjoni. L-applikazzjonijiet f’din it-taqsima ma jistgħux, fl-applikazzjoni stess, jinkoraġġixxu lill-utenti jużaw metodu ta’ xiri ieħor għajr ix-xiri fl-applikazzjoni, ħlief għall-applikazzjonijiet fl-istorefront tal-Istati Uniti u kif stabbilit fi 3.1.1(a) u 3.1.3(a). L-iżviluppaturi jistgħu jibagħtu komunikazzjonijiet barra mill-applikazzjoni lill-bażi tal-utenti tagħhom dwar metodi ta’ xiri oħra għajr ix-xiri fl-applikazzjoni.
      • 3.1.3(a) Applikazzjonijiet “Qarrejja”: L-applikazzjonijiet jistgħu jippermettu lil utent jaċċessa kontenut mixtri minn qabel jew abbonamenti f’kontenut (b’mod speċifiku: rivisti, gazzetti, kotba, awdjo, mużika u vidjo). L-applikazzjonijiet qarrejja jistgħu joffru l-ħolqien ta’ kont għal livelli bla ħlas u l-funzjonalità ta’ mmaniġġjar tal-kont lill-klijenti eżistenti. L-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet qarrejja jistgħu japplikaw għall-External Link Account Entitlement (Intitolament għal Kont ta’ Link Esterna) biex jipprovdu link informattiva fl-applikazzjoni tagħhom lejn sit web li jappartjeni għall-iżviluppatur jew li l-iżviluppatur ikun responsabbli għalih sabiex wieħed joħloq jew jimmaniġġja kont. Dan l-intitolament mhuwiex meħtieġ biex l-iżviluppaturi jinkludu buttuni, links esterni, jew sejħiet oħra għall-azzjoni fl-applikazzjonijiet tal-istorefront tal-Istati Uniti tagħhom. Kun af aktar dwar l-External Link Account Entitlement (Intitolament għal Kont ta’ Link Esterna).
      • 3.1.3(b) Servizzi ta’ Pjattaformi Multipli: L-applikazzjonijiet li joperaw fuq pjattaformi multipli jistgħu jippermettu lill-utenti jaċċessaw kontenut, abbonamenti, jew karatteristiċi li jkunu akkwistaw fl-applikazzjoni tiegħek fuq pjattaformi oħra jew fis-sit web tiegħek, inklużi oġġetti konsumabbli f’logħob fi pjattaformi multipli, dment li dawk l-oġġetti jkunu disponibbli wkoll bħala xiri fl-applikazzjoni fi ħdan l-applikazzjoni.
      • 3.1.3(c) Servizzi ta’ Intrapriża: Jekk inti tbiegħ l-applikazzjoni tiegħek biss direttament lil organizzazzjonijiet jew lil gruppi għall-impjegati jew l-istudenti tagħhom (pereżempju bażijiet tad-dejta professjonali u għodod ta’ ġestjoni tal-klassi), tista’ tippermetti lill-utenti tal-intrapriżi jaċċessaw kontenut jew abbonamenti mixtrija qabel. Il-bejgħ lill-konsumatur, lil utent wieħed, jew lill-familji jrid juża x-xiri fl-applikazzjoni.
      • 3.1.3(d) Servizzi Minn Persuna Għal Persuna: Jekk l-applikazzjoni tiegħek tippermetti x-xiri ta’ servizzi f’ħin reali minn persuna għal persuna bejn żewġ individwi (pereżempju, tutoraġġ ta’ studenti, konsultazzjonijiet mediċi, tours tal-proprjetajiet, jew taħriġ ta’ fitness), tista’ tuża metodi ta’ xiri differenti mix-xiri fl-applikazzjoni biex tiġbor dawk il-ħlasijiet. Servizzi fil-ħin reali ta’ wieħed lil ftit u wieħed lil ħafna jridu jużaw xiri fl-applikazzjoni.
      • 3.1.3(e) Oġġetti u Servizzi Barra mill-Applikazzjoni: Jekk l-applikazzjoni tiegħek tippermetti lin-nies jixtru oġġetti fiżiċi jew servizzi li jiġu kkunsmati barra mill-applikazzjoni, inti trid tuża metodi ta’ xiri differenti mix-xiri fl-applikazzjoni biex tiġbor dawk il-ħlasijiet, bħal Apple Pay jew l-użu tal-kards ta’ kreditu tradizzjonali.
      • 3.1.3(f) Applikazzjonijiet Awtonomi Mingħajr Ħlas: L-applikazzjonijiet mingħajr ħlas b’funzjoni ta’ suppliment awtonomu għal għodda bil-ħlas fuq l-Internet (jiġifieri VoIP, Cloud Storage, Servizzi tal-Email, Web Hosting) m’għandhomx għalfejn jużaw ix-xiri fl-applikazzjoni, sakemm ma jkun hemm l-ebda xiri fl-applikazzjoni, jew sejħiet għall-azzjoni biex isir xiri barra mill-applikazzjoni.
      • 3.1.3(g) Applikazzjonijiet għall-Ġestjoni tar-Reklamar: Applikazzjonijiet bl-iskop uniku li jippermettu lil dawk li jirreklamaw (persuni jew kumpaniji li jirreklamaw prodott, servizz jew avveniment) jixtru u jimmaniġġjaw kampanji ta’ reklamar f’tipi ta’ midja (televiżjoni, fuq barra, siti web, applikazzjonijiet, eċċ.) m’għandhomx għalfejn jużaw ix-xiri fl-applikazzjoni. Dawn l-applikazzjonijiet huma maħsuba għal skopijiet ta’ mmaniġġjar ta’ kampanji u ma jurux ir-reklami huma stess. Xiri diġitali għal kontenut li jiġi esperjenzat jew ikkunsmat f’applikazzjoni, inkluż ix-xiri ta’ reklami biex jintwerew fl-istess applikazzjoni (bħax-xiri ta’ “boosts” għal posts f’applikazzjoni tal-midja soċjali) jrid juża x-xiri fl-applikazzjoni.
      • 3.1.4 Kontenut Speċifiku għall-Hardware: F’ċirkustanzi limitati, bħal meta l-karatteristiċi jkunu jiddependu fuq hardware speċifiku biex jiffunzjonaw, l-applikazzjoni tista’ tiftaħ dik il-funzjonalità mingħajr ma tuża x-xiri fl-applikazzjoni (eż. applikazzjoni tal-astronomija li żżid karatteristiċi meta tkun sinkronizzata ma’ teleskopju). Il-karatteristiċi tal-applikazzjoni li jaħdmu flimkien ma’ prodott fiżiku approvat (bħal ġugarell) fuq bażi fakultattiva jistgħu jiftħu l-funzjonalità mingħajr ma jużaw ix-xiri fl-applikazzjoni, sakemm tkun disponibbli wkoll l-għażla ta’ xiri fl-applikazzjoni. Madankollu, inti ma tistax iġġiegħel lill-utenti jixtru prodotti mhux relatati jew li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ reklamar jew kummerċjalizzazzjoni sabiex jiftħu l-funzjonalità fl-applikazzjoni.
      • 3.1.5 Kriptovaluti:
        • (i) Wallets: L-applikazzjonijiet jistgħu jiffaċilitaw il-ħżin ta’ valuti virtwali, dment li jiġu offruti minn żviluppaturi rreġistrati bħala organizzazzjoni.
        • (ii) Estrazzjoni (mining): L-applikazzjonijiet ma jistgħux iwettqu estrazzjoni ta’ kriptovaluti sakemm l-ipproċessar ma jsirx barra mill-apparat (eż. estrazzjoni bbażata fuq il-cloud).
        • (iii) Skambju: L-applikazzjonijiet jistgħu jiffaċilitaw tranżazzjonijiet jew trażmissjonijiet ta’ kriptovaluti fuq skambju approvat, dment li jiġu offruti biss f’pajjiżi jew reġjuni fejn l-applikazzjoni jkollha liċenzja xierqa u permessi biex tipprovdi skambju tal-kriptovaluti.
        • (iv) Offerti Inizjali tal-Muniti: L-applikazzjonijiet li jiffaċilitaw l-Offerti Inizjali tal-Muniti (Initial Coin Offerings - “ICOs”), negozjar fil-futuri tal-kriptovaluti u negozjar ieħor f’titoli jew kważi titoli ta’ valuti jridu jiġu minn banek stabbiliti, ditti tat-titoli, kummissjonanti tal-futuri (Futures Commission Merchants - “FCM”), jew istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn approvati u għandhom jikkonformaw mal-liġijiet kollha applikabbli.
        • (V) Applikazzjonijiet tal-kriptovaluti ma jistgħux joffru valuti biex jitwettqu kompiti, bħat-tniżżil ta’ applikazzjonijiet oħrajn, l-inkoraġġiment ta’ utenti oħrajn biex iniżżlu, it-tlugħ ta’ posts fuq networks soċjali, eċċ.
    • 3.2 Kwistjonijiet Oħrajn ta’ Mudelli ta’ Negozju

      Il-listi li ġejjin mhumiex eżawrjenti, u l-preżentazzjoni tiegħek tista’ twassal għal bidla jew aġġornament fil-politiki tagħna, iżda dawn li ġejjin huma ftit affarijiet oħra li għandek tagħmel jew li m’għandekx tagħmel li għandek iżżomm f’moħħok:

      • 3.2.1 Aċċettabbli
        • (i) Li turi l-applikazzjonijiet tiegħek stess għax-xiri jew bħala promozzjoni fl-applikazzjoni tiegħek, dment li l-applikazzjoni ma tkunx sempliċiment katalgu tal-applikazzjonijiet tiegħek.
        • (ii) Li turi jew tirrakkomanda ġabra ta’ applikazzjonijiet ta’ partijiet terzi li huma mfassla għal ħtieġa approvata speċifika (eż. immaniġġjar tas-saħħa, avjazzjoni, aċċessibbiltà). L-applikazzjoni tiegħek għandha tipprovdi kontenut editorjali b’saħħtu biex ma tidhirx bħala sempliċi storefront.
        • (iii) Li tiddiżattiva l-aċċess għal kontenut speċifiku għall-kiri (eż. films, programmi televiżivi, mużika, kotba) wara li jkun skada l-perjodu tal-kiri; l-oġġetti u s-servizzi l-oħrajn kollha ma jistgħux jiskadu.
        • (iv) Il-passijiet tal-Wallet jistgħu jintużaw biex isiru jew jintlaqgħu ħlasijiet, jintbagħtu offerti, jew biex tiġi offruta identifikazzjoni (bħal biljetti għal films, kupuni u kredenzjali ta’ VIP). Użi oħrajn jistgħu jirriżultaw fir-rifjut tal-applikazzjoni u r-revoka tal-kredenzjali tal-Wallet.
        • (v) L-applikazzjonijiet tal-assigurazzjoni jridu jkunu mingħajr ħlas, f’konformità mal-liġi fir-reġjuni fejn jiġu ddistribwiti, u ma jistgħux jużaw ix-xiri fl-applikazzjoni.
        • (vi) Organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ approvati jistgħu jiġbru l-fondi direttament fl-applikazzjonijiet tagħhom stess jew f’applikazzjonijiet ta’ partijiet terzi, dment li dawk il-kampanji ta’ ġbir ta’ fondi jsegwu l-Linji Gwida kollha tar-Rieżami tal-Apps u joffru appoġġ minn Apple Pay. Dawn l-applikazzjonijiet iridu jiżvelaw kif se jintużaw il-fondi, jikkonformaw mal-liġijiet lokali u federali kollha meħtieġa, u jiżguraw li riċevuti tat-taxxa xierqa jkunu disponibbli għad-donaturi. Informazzjoni addizzjonali għandha tingħata lit-Tim tar-Rieżami tal-App fuq talba. Il-pjattaformi ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jqabbdu lid-donaturi ma’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ oħrajn iridu jiżguraw li kull organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ elenkata fl-applikazzjoni tkun għaddiet ukoll mill-proċess ta’ approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. Kun af aktar dwar kif issir organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ approvata.
        • (vii) L-applikazzjonijiet jistgħu jippermettu lill-utenti individwali jagħtu rigal fi flus lil individwu ieħor mingħajr ma jużaw ix-xiri fl-applikazzjoni, sakemm (a) ir-rigal ikun għażla kompletament fakultattiva minn min jagħtih, u (b) 100% tal-fondi jmorru għand min jirċievi r-rigal. Madankollu, rigal li fi kwalunkwe ħin ikun konness jew assoċjat mar-riċezzjoni ta’ kontenut jew servizzi diġitali, irid juża x-xiri fl-applikazzjoni.
        • (viii) L-applikazzjonijiet użati għan-negozjar finanzjarju, l-investiment, jew l-immaniġġjar tal-flus għandhom jiġu sottomessi mill-istituzzjoni finanzjarja li twettaq dawn is-servizzi, u jridu jkollhom il-liċenzjar u l-permessi meħtieġa fil-postijiet fejn tagħmilhom disponibbli.
      • 3.2.2 Mhux aċċettabbli
        • (i) Li toħloq interfaċċa għall-wiri ta’ applikazzjonijiet, estensjonijiet, jew plug-ins ta’ partijiet terzi simili għall-App Store jew bħala ġabra ta’ interess ġenerali.
        • (ii) Tħalla barra intenzjonalment.
        • (iii) Li żżid artifiċjalment in-numru ta’ impressjonijiet tar-reklami jew klikks fuqhom, kif ukoll ta’ applikazzjonijiet li huma ddisinjati prinċipalment għall-wiri tar-reklami.
        • (iv) Li tiġbor fondi fl-applikazzjoni għall-karità u għal dawk li jiġbru l-fondi, sakemm m’intix organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ approvata jew għandek xi tip ta’ permess mod ieħor skont it-Taqsima 3.2.1 (vi) hawn fuq. L-applikazzjonijiet li jippruvaw jiġbru l-flus għal kawżi bħal dawn iridu jkunu mingħajr ħlas fl-App Store u jistgħu jiġbru biss fondi barra mill-applikazzjoni, bħal permezz ta’ Safari jew SMS.
        • (v) Li tillimita arbitrarjament min jista’ juża l-applikazzjoni bħal pereżempju skont il-post fejn qiegħed jew il-mezz.
        • (vi) Tħalla barra intenzjonalment.
        • (vii) Il-manipulazzjoni artifiċjali tal-viżibbiltà, l-istatus jew il-klassifika ta’ utent fuq servizzi oħrajn sakemm ma jkunx permess mit-Termini u l-Kundizzjonijiet ta’ dak is-servizz.
        • (viii) L-applikazzjonijiet li jiffaċilitaw in-negozju f’għażliet binarji mhumiex permessi fl-App Store. Ikkunsidra applikazzjoni tal-web minflok. L-applikazzjonijiet li jiffaċilitaw in-negozju f’kuntratti għad-differenza (Contracts For Difference – “CFDs”) jew derivattivi oħrajn (eż. FOREX) iridu jkunu liċenzjati kif xieraq fil-ġuriżdizzjonijiet kollha fejn is-servizz ikun disponibbli.
        • (ix) L-applikazzjonijiet li joffru self personali jridu jiżvelaw b’mod ċar u evidenti t-termini kollha tas-self, inkluż iżda mhux biss ir-Rata Perċentwali Annwali (Annual Percentage Rate – “APR”) massima ekwivalenti u d-data ta’ meta jkun dovut il-ħlas. L-applikazzjonijiet ta’ self ma jistgħux jitolbu APR massima ogħla minn 36%, inklużi l-ispejjeż u t-tariffi, u ma jistgħux jeħtieġu l-ħlas lura sħiħ f’60 jum jew inqas.
        • (x) L-applikazzjonijiet m’għandhomx iġiegħlu lill-utenti jagħtu vot lill-applikazzjoni, jagħmlu reċensjoni għall-applikazzjoni, iniżżlu applikazzjonijiet oħrajn, jew jagħmlu azzjonijiet simili oħrajn sabiex jaċċessaw il-funzjonalità, il-kontenut, jew l-użu tal-applikazzjoni. L-applikazzjonijiet jistgħu jinċentivaw lill-utenti b'mod ieħor biex jieħdu azzjonijiet speċifiċi fi ħdan l-applikazzjonijiet (eż. it-tlestija ta' livell, jaraw riklam).

    4. Disinn

    Il-klijenti ta’ Apple jistmaw ħafna l-prodotti li huma sempliċi, raffinati, innovattivi u faċli biex jintużaw, u huwa dak li rridu naraw fl-App Store. Hija r-responsabbiltà tiegħek li toħroġ b’disinn mill-aqwa, iżda dawn li ġejjin huma standards minimi għall-approvazzjoni fl-App Store. U ftakar li anki wara li l-applikazzjoni tiegħek tkun ġiet approvata, inti għandek taġġorna l-applikazzjoni tiegħek biex tiżgura li tibqa’ taħdem u tinteressa klijenti ġodda u eżistenti. L-applikazzjonijiet li jieqfu jaħdmu jew li joffru esperjenza mnaqqsa jistgħu jitneħħew mill-App Store fi kwalunkwe ħin.

    • 4.1 Ikkupjati
      • (a) Oħroġ bl-ideat tiegħek stess. Nafu li għandek ideat, mela agħtihom il-ħajja. Tikkupjax sempliċiment l-aktar applikazzjoni popolari reċenti fl-App Store, jew tagħmel bidliet żgħar fl-isem jew fl-Interfaċċa tal-Utent (User Interface - “UI”) ta’ applikazzjoni oħra u tgħid li hija tiegħek. Minbarra li tkun f’riskju ta’ lment dwar ksur tal-proprjetà intellettwali, tagħmilha aktar diffiċli biex in-nies jinnavigaw fl-App Store u sempliċiment mhuwiex ġust mal-iżviluppaturi sħabek.
      • (b)ASR u NR Il-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet li jippersonifikaw applikazzjonijiet jew servizzi oħra hija kkunsidrata bħala ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Iżviluppaturi u tista’ tirriżulta fit-tneħħija mill-Apple Developer Program.
      • (c) Ma tistax tuża l-ikona, il-marka jew l-isem tal-prodott ta’ żviluppatur ieħor fl-ikona jew l-isem tal-applikazzjoni tiegħek, mingħajr l-approvazzjoni tal-iżviluppatur.
    • 4.2 Funzjonalità Minima

      L-applikazzjoni tiegħek għandha tinkludi karatteristiċi, kontenut u UI li jpoġġuha f’livell ogħla minn sit web ippakkjat mill-ġdid. Jekk l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx partikolarment utli, unika jew “simili għal applikazzjoni”, postha mhuwiex fl-App Store. Jekk l-Applikazzjoni tiegħek ma tipprovdix xi tip ta’ valur ta’ divertiment fit-tul jew utilità adegwata, tista’ ma tiġix aċċettata. L-applikazzjonijiet li jkunu sempliċiment kanzunetta jew film għandhom jiġu ppreżentati fl-iTunes Store. L-applikazzjonijiet li jkunu sempliċiment ktieb jew gwida għal-logħob għandhom jiġu ppreżentati fl-Apple Books Store.

      • 4.2.1 L-applikazzjonijiet li jużaw ARKit għandhom jipprovdu esperjenzi ta’ realtà awmentata rikki u integrati; mhuwiex biżżejjed li twaqqa’ mudell f’viżjoni AR jew turi animazzjoni.
      • 4.2.2 Minbarra l-katalgi, l-applikazzjonijiet m’għandhomx primarjament ikunu materjali ta’ kummerċjalizzazzjoni, reklami, klipps mill-web, aggregaturi tal-kontenut, jew ġabra ta’ links.
      • 4.2.3
        • (i) L-applikazzjoni tiegħek għandha taħdem waħedha mingħajr ma teħtieġ l-installazzjoni ta’ applikazzjoni oħra biex tiffunzjona.
        • (ii) Jekk l-applikazzjoni tiegħek tkun teħtieġ li jitniżżlu riżorsi oħrajn sabiex tiffunzjona mal-ewwel darba li titħaddem, ipprovdi d-daqs tat-tniżżil u avża lill-utenti qabel jagħmlu dan.
      • 4.2.4 Tħalla barra intenzjonalment.
      • 4.2.5 Tħalla barra intenzjonalment.
      • 4.2.6 L-applikazzjonijiet maħluqa minn mudell kummerċjalizzat jew servizz ta’ ġenerazzjoni tal-applikazzjonijiet se jiġu rrifjutati sakemm ma jiġux ippreżentati direttament mill-fornitur tal-kontenut tal-applikazzjoni. Dawn is-servizzi m’għandhomx jippreżentaw applikazzjonijiet f’isem il-klijenti tagħhom u għandhom joffru għodod li jħallu lill-klijenti tagħhom joħolqu applikazzjonijiet personalizzati u innovattivi li jipprovdu esperjenzi uniċi għall-klijenti. Għażla aċċettabbli oħra għall-fornituri tal-mudelli hija li joħolqu binarju uniku biex jospitaw il-kontenut kollu tal-klijenti f’mudell aggregat jew “picker”, pereżempju bħala applikazzjoni biex issib ir-ristoranti b’entrati jew paġni personalizzati separati għal kull ristorant klijent, jew bħala applikazzjoni għall-avvenimenti b’entrati separati għal kull avveniment tal-klijenti.
      • 4.2.7 Terminals tad-Desktop mill-Bogħod: Jekk l-applikazzjoni tad-desktop mill-bogħod tiegħek taġixxi bħala mera ta’ software jew servizzi speċifiċi minflok mera ġenerika tal-apparat ospitanti, din trid tikkonforma ma’ dan li ġej:
        • (a) L-applikazzjoni trid taqbad biss ma’ apparat ospitanti tal-utent li jkun kompjuter personali jew konsol tal-logħob dedikata tal-utent, u kemm l-apparat ospitanti kif ukoll it-terminal iridu jkunu mqabbda fuq network lokali u bbażat fuq LAN.
        • (b) Kwalunkwe software jew servizz li jidher fit-terminal huwa eżegwit kompletament fuq l-apparat ospitanti, muri fuq l-iskrin tal-apparat ospitanti, u ma jistax juża APIs jew karatteristiċi tal-pjattaforma lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex isir strimjar tad-Desktop mill-Bogħod.
        • (c) Il-ħolqien u mmaniġġjar tal-kontijiet irid jinbeda mill-apparat ospitanti.
        • (d) Il-UI li tidher fuq it-terminal li ma tixbahx dehra tal-iOS jew tal-App Store, ma tipprovdix interfaċċa simili għal ħanut, jew ma tinkludix il-kapaċità ta’ brawżjar, għażla jew xiri ta’ software li ma jkunx diġà proprjetà tal-utent jew liċenzjat minnu. Għall-fini ta’ ċarezza, it-tranżazzjonijiet li jseħħu f’software rifless m’għandhomx għalfejn jużaw xiri fl-applikazzjoni, dment li t-tranżazzjonijiet jiġu pproċessati fuq l-apparat ospitanti.
        • (e) Terminals ħfief għal applikazzjonijiet ibbażati fuq il-cloud mhumiex xierqa għall-App Store.
    • 4.3 Spam
      • (a)ASR u NR Toħloqx diversi Bundle IDs tal-istess applikazzjoni (pereżempju, tissottometti applikazzjoni tal-mappa separata għal kull belt fid-dinja minflok mappa waħda globali li tippermetti lill-utenti jfittxu kwalunkwe belt). Din il-prattika twassal għal applikazzjonijiet mhux meħtieġa, li jagħmilha diffiċli għall-utenti biex isibu l-applikazzjonijiet li jridu. Jekk l-applikazzjoni tiegħek ikollha verżjonijiet differenti għal postijiet speċifiċi, timijiet sportivi, universitajiet, eċċ., ikkunsidra li tippreżenta applikazzjoni waħda u li tipprovdi l-varjazzjonijiet permezz tax-xiri fl-applikazzjoni.
      • (b) Tippreżentax applikazzjonijiet li ma jintgħarfux minn dawk diġà disponibbli b’mod mifrux. Il-ħolqien opportunistiku ta’ varjanti ta’ kategoriji ta’ applikazzjonijiet eżistenti jew ta’ applikazzjonijiet popolari jfixkel l-iskoperta tal-App Store, inaqqas il-kwalità ġenerali tal-applikazzjonijiet, u jagħmel il-ħsara kemm lill-utenti kif ukoll lill-iżviluppaturi. Ċerti tipi ta’ applikazzjonijiet, bħal dating, flashlight, effetti tal-ħoss, wallpaper, timers sempliċi, u qari tal-fortuna, huma stabbiliti sew fuq l-App Store u ma naċċettawx sottomissjonijiet ġodda sakemm ma joffrux esperjenza differenti jew imtejba b’mod sinifikanti. Nistgħu nneħħu dawn l-applikazzjonijiet mill-App Store fil-futur jekk ma jiġux aġġornati, imtejba, jew ma jiġbdux klijenti. Tipi oħra ta’ applikazzjonijiet, bħal logħob tax-xorb, Kama Sutra, applikazzjonijiet tal-ħsejjes tal-bass u t-tifwiq, huma medjokri, ta’ kwalità baxxa, jew ta’ sforz baxx u ma jżidux valur fl-App Store. Sottomissjonijiet ripetuti ta’ dan it-tip jistgħu jwasslu għat-tneħħija mill-Apple Developer Program.
    • 4.4ASR u NR Estensjonijiet

      Applikazzjonijiet li jospitaw jew li jkun fihom l-estensjonijiet għandhom jikkonformaw mal-App Extension Programming Guide (Gwida għall-Ipprogrammar tal-Estensjonijiet tal-Applikazzjoni), is-Safari app extensions documentation (Dokumentazzjoni tal-estensjonijiet tal-applikazzjoni Safari), jew is-Safari web extensions documentation (Dokumentazzjoni tal-estensjonijiet tal-web Safari) u għandhom jinkludu xi funzjonalità, bħal skrins ta’ għajnuna u interfaċċi tas-settings fejn possibbli. Inti għandek tiżvela b’mod ċar u preċiż liema estensjonijiet huma disponibbli fit-test tal-kummerċjaliazzazzjoni tal-applikazzjoni, u l-estensjonijiet ma jistgħux jinkludu kummerċjalizzazzjoni, reklamar jew xiri fl-applikazzjoni.

      • 4.4.1ASR u NR L-estensjonijiet tat-tastiera għandhom xi regoli addizzjonali.

        Dawn iridu:

        • Jipprovdu l-funzjonalità tal-input bit-tastiera (eż. karattri ttajpjati);
        • Isegwu l-linji gwida ta’ Stikers jekk it-tastiera tinkludi immaġnijiet jew emojis;
        • Jipprovdu metodu biex wieħed jgħaddi għat-tastiera li jkun imiss;
        • Jibqgħu jaħdmu mingħajr l-aċċess sħiħ għan-network u mingħajr ma jeħtieġu l-aċċess sħiħ;
        • Jiġbru l-attività tal-utent biss biex itejbu l-funzjonalità tal-estensjoni tat-tastiera tal-utent fuq l-apparat tal-iOS.

        Ma jridux:

        • Jibdew applikazzjonijiet oħrajn apparti s-Settings; jew
        • Jibdlu l-iskop tal-buttuni tat-tastiera għal imġiba oħra (eż. tagħfas u żżomm il-buttuna tar-“return” biex tiftaħ il-kamera).
      • 4.4.2ASR u NR L-estensjonijiet tas-Safari jridu jintużaw fuq il-verżjoni attwali ta’ Safari fuq is-sistema operattiva rilevanti ta’ Apple. Ma jistgħux jinterferixxu ma’ elementi tas-Sistema jew tal-UI ta’ Safari u qatt m’għandhom jinkludu kontenut jew kodiċi malizzjuż jew qarrieqi. Il-ksur ta’ din ir-regola jwassal għat-tneħħija mill-Apple Developer Program. L-estensjonijiet ta’ Safari m’għandhomx jitolbu aċċess għal aktar siti web minn kemm strettament meħtieġ biex jiffunzjonaw.
      • 4.4.3 Tħalla barra intenzjonalment.
    • 4.5ASR u NR Siti u Servizzi ta’ Apple
      • 4.5.1ASR u NR L-applikazzjonijiet jistgħu jużaw RSS feeds approvati ta’ Apple bħall-RSS feed ta’ iTunes Store, iżda ma jistgħux iwettqu scraping ta’ informazzjoni minn siti ta’ Apple (eż. apple.com, iTunes Store, App Store, App Store Connect, il-portal tal-iżviluppaturi, eċċ.) jew joħolqu klassifiki permezz ta’ din l-informazzjoni.
      • 4.5.2ASR u NR Apple Music
        • (i) MusicKit fuq l-iOS tħalli lill-utenti jdoqqu Apple Music u l-librerija ta’ mużika lokali tagħhom b’mod nattiv mill-applikazzjonijiet u l-logħob tiegħek. Meta utent jagħti l-permess lill-kont ta’ Apple Music tiegħu, l-applikazzjoni tiegħek tista’ toħloq listi ta’ kanzunetti, iżżid kanzunetti mal-librerija tiegħu, u ddoqq kwalunkwe waħda mill-miljuni ta’ kanzunetti fil-katalgu ta’ Apple Music. L-utenti jridu jibdew idoqqu stream minn Apple Music u jkunu jistgħu jinnavigaw billi jużaw kontrolli tal-midja standard bħal “doqq” (play), “waqqaf” (pause), u “aqbeż” (skip). Barra minn hekk, l-applikazzjoni tiegħek ma tistax tirrikjedi ħlas jew tagħmel il-flus indirettament mill-aċċess għas-servizz ta’ Apple Music (eż. xiri fl-applikazzjoni, reklamar, talba għal informazzjoni dwar l-utent, eċċ.). Tniżżilx, ittellax jew tippermettix il-kondiviżjoni ta’ fajls ta’ mużika miġjuba mill-APIs ta’ MusicKit, ħlief kif permess b’mod espliċitu fid-dokumentazzjoni ta’ MusicKit (Kit tal-Mużika).
        • (ii) Ma tistax tuża l-APIs ta’ MusicKit minflok ma tikseb il-liċenzji li jista’ jkollok bżonn għal integrazzjoni tal-mużika aktar profonda jew aktar kumplessa. Pereżempju, jekk trid li l-applikazzjoni tiegħek iddoqq kanzunetta speċifika f’mument partikolari, jew li toħloq fajls awdjo jew vidjow li jistgħu jiġu kondiviżi fil-midja soċjali, tkun trid tikkuntattja lid-detenturi tad-drittijiet direttament biex iġġib il-permess (eż. id-drittijiet ta’ sinkronizzazzjoni jew ta’ adattament) u l-assi tagħhom. Arti tal-kopertina u metadata oħra jistgħu jintużaw biss b’rabta ma’ daqq ta’ mużika jew listi ta’ kanzunetti (inklużi ritratti tal-iskrin li juru l-funzjonalità tal-applikazzjoni tiegħek), u m’għandhomx jintużaw fi kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni jew reklamar mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni speċifika mid-detenturi tad-drittijiet. Kun ċert li ssegwi l-Apple Music Identity Guidelines (Linji Gwida dwar l-Identità ta’ Apple Music) meta tintegra s-servizzi ta’ Apple Music fl-applikazzjoni tiegħek.
        • (iii) L-applikazzjonijiet li jaċċessaw id-dejta tal-utent ta’ Apple Music, bħal-listi ta’ kanzunetti u l-favoriti, iridu jiżvelaw b’mod ċar dan l-aċċess fis-sekwenza tal-iskop. Kwalunkwe dejta miġbura ma tistax tiġi kondiviża ma’ partijiet terzi għal kwalunkwe skop ieħor barra dak ta’ appoġġ jew titjib tal-esperjenza tal-applikazzjoni. Din id-dejta ma tistax tintuża biex jiġu identifikati utenti jew apparati, jew għall-immirar tar-reklamar.
      • 4.5.3ASR u NR Tużax is-Servizzi ta’ Apple biex tibgħat l-ispam, tagħmel il-phishing, jew tibgħat messaġġi mhux mitluba lill-klijenti, inklużi Game Center, Push Notifications, Live Activities, eċċ. Tippruvax treġġa’ lura t-tiftix, tintraċċa, tirrelata, tassoċja, tagħmel estrazzjoni, jew tisfrutta mod ieħor l-IDs jew il-psewdonimi tal-Plejers, jew informazzjoni oħra miksuba permezz tal-Game Center, inkella titneħħa mill-Apple Developer Program.
      • 4.5.4ASR u NR Il-Push Notifications ma jridux ikunu meħtieġa biex l-applikazzjoni taħdem, u m’għandhomx jintużaw biex tintbagħat informazzjoni personali sensittiva jew kunfidenzjali. Il-Push Notifications m’għandhomx jintużaw għal promozzjonijiet jew skopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta sakemm il-klijenti ma jkunux għażlu b’mod espliċitu li jirċevuhom permezz tal-lingwa tal-kunsens murija fil-UI tal-applikazzjoni tiegħek u inti tipprovdi metodu fl-applikazzjoni tiegħek biex utent ikun jista’ jagħżel li jieqaf jirċievi tali messaġġi. L-abbuż minn dawn is-servizzi jista’ jirriżulta fir-revoka tal-privileġġi tiegħek.
      • 4.5.5ASR u NR Uża biss l-IDs tal-Plejers tal-Game Center b’mod approvat mit-termini tal-Game Center u turihomx fl-applikazzjoni jew lil xi parti terza.
      • 4.5.6ASR u NR L-applikazzjonijiet jistgħu jużaw karattri Unicode li jidhru bħala emoji ta’ Apple fl-applikazzjoni u l-metadata tal-applikazzjoni tagħhom. L-emojis ta’ Apple ma jistgħux jintużaw fuq pjattaformi oħrajn jew jiġu inkorporati direttament fil-binarju tal-applikazzjoni tiegħek.
    • 4.6 Tħalla barra intenzjonalment.
    • 4.7ASR u NR Mini apps, mini games, strimjar tal-logħob, chatbots, plug-ins u emulaturi tal-logħob

      L-applikazzjonijiet jistgħu joffru ċertu software li mhuwiex inkorporat fil-binarju, b’mod speċifiku mini apps, mini games, strimjar tal-logħob, chatbots u plug-ins fuq HTML5 u JavaScript. Barra minn hekk, l-applikazzjonijiet emulaturi tal-konsols tal-logħob tat-tip retro u tal-PC jistgħu joffru l-possibbiltà lill-utenti li jniżżlu logħob. Inti responsabbli għal dan it-tip ta’ software kollu offrut fl-applikazzjoni tiegħek, inkluż li tiżgura li tali software ikun konformi ma’ dawn il-Linji Gwida u l-liġijiet applikabbli kollha. Software li ma jkunx konformi ma’ linja gwida waħda jew aktar se jwassal għar-rifjut tal-applikazzjoni tiegħek. Trid tiżgura wkoll li s-software jimxi mar-regoli addizzjonali mniżżla f’punti 4.7.1 sa 4.7.5. Dawn ir-regoli addizzjonali huma importanti biex tiġi ppreservata l-esperjenza li l-klijenti tal-App Store jistennew, u biex jgħinu jiżguraw is-sikurezza tal-utent.

      • 4.7.1 Software offrut fl-applikazzjonijiet skont din ir-regola għandu:
        • isegwi l-linji gwida kollha dwar il-privatezza, inklużi iżda mhux biss ir-regoli stabbiliti fil-Linja Gwida 5.1 dwar il-ġbir, l-użu, u l-kondiviżjoni tad-dejta, u dejta sensittiva (bħal dejta dwar is-saħħa u personali mit-tfal);
        • jinkludi metodu għall-iffiltrar ta’ materjal oġġezzjonabbli, mekkaniżmu għar-rappurtar tal-kontenut u tweġibiet f’waqthom għat-tħassib, u l-abbiltà li jimblokka utenti abbużivi; u
        • isegwi l-Linja Gwida 3.1 sabiex joffri oġġetti jew servizzi diġitali lill-utenti finali.
      • 4.7.2ASR u NR L-applikazzjoni tiegħek ma tistax testendi jew tesponi l-APIs jew teknoloġiji tal-pjattaforma nattivi għas-software mingħajr permess minn qabel ta’ Apple.
      • 4.7.3ASR u NR L-applikazzjoni tiegħek fl-ebda każ ma tista’ taqsam dejta jew permessi ta’ privatezza ma’ software individwali offrut fl-applikazzjoni tiegħek mingħajr il-kunsens espliċitu tal-utent.
      • 4.7.4 Trid tipprovdi indiċi tas-software u l-metadata disponibbli fl-applikazzjoni tiegħek. Għandu jinkludi links universali li jwasslu għas-softwares kollha offruti fl-applikazzjoni tiegħek.
      • 4.7.5ASR u NR L-applikazzjoni tiegħek trid tipprovdi mod għall-utenti biex jidentifikaw software li jaqbeż il-klassifikazzjoni tal-età tal-applikazzjoni, u jużaw mekkaniżmu ta’ restrizzjoni tal-età bbażat fuq l-età vverifikata jew iddikjarata biex jiġi llimitat l-aċċess minn utenti taħt l-età.
    • 4.8ASR u NR Servizzi ta’ Login

      L-applikazzjonijiet li jużaw servizz ta’ login ta’ parti terza jew soċjali (bħal-Login ta’ Facebook, id-Dħul permezz ta’ Google, id-Dħul permezz ta’ X, id-Dħul b’LinkedIn, il-Login b’Amazon, jew il-Login b’WeChat) biex jiġi stabbilit jew awtentikat il-kont primarju tal-utent mal-applikazzjoni jridu joffru wkoll bħala għażla ekwivalenti servizz ieħor ta’ login bil-karatteristiċi li ġejjin:

      • is-servizz tal-login jillimita l-ġbir tad-dejta għall-isem tal-utent u l-indirizz tal-email;
      • is-servizz tal-login jippermetti lill-utenti jżommu l-indirizz tal-email tagħhom privat bħala parti mill-ħolqien tal-kont tagħhom; u
      • is-servizz tal-login ma jiġborx informazzjoni dwar interazzjonijiet mal-applikazzjoni tiegħek għal skopijiet ta’ reklamar mingħajr kunsens.

      Il-kont primarju ta’ utent huwa l-kont li huwa jistabbilixxi mal-applikazzjoni tiegħek sabiex jidentifika lilu nnifsu, jidħol, u jaċċessa l-karatteristiċi u s-servizzi assoċjati tiegħek.

      Servizz ieħor ta’ login mhuwiex meħtieġ jekk:

      • L-applikazzjoni tiegħek tuża esklużivament is-sistemi ta’ stabbiliment u ta’ dħul tal-kont tal-kumpanija tiegħek stess.
      • L-applikazzjoni tiegħek hija suq tal-applikazzjonijiet alternattiv, jew applikazzjoni distribwita minn suq tal-applikazzjonijiet alternattiv, li tuża login speċifiku għas-suq għall-karatteristiċi tal-kont, tat-tniżżil, u tal-kummerċ.
      • L-applikazzjoni tiegħek hija applikazzjoni edukattiva, għall-intrapriżi jew għan-negozju li tirrikjedi li l-utent jidħol b’kont eżistenti edukattiv jew tal-intrapriża.
      • L-applikazzjoni tiegħek tuża sistema ta’ identifikazzjoni taċ-ċittadini governattiva jew appoġġata mill-industrija jew ID elettronika biex tawtentika lill-utenti.
      • L-applikazzjoni tiegħek hija terminal għal servizz ta’ parti terza speċifiku u l-utenti jkunu meħtieġa jidħlu direttament fil-posta, fil-midja soċjali, jew f’kont ta’ parti terza ieħor biex jaċċessaw il-kontenut tagħhom.

    • 4.9ASR u NR Apple Pay

      L-applikazzjonijiet li jużaw Apple Pay iridu jipprovdu l-informazzjoni kollha dwar ix-xiri materjali lill-utent qabel il-bejgħ ta’ kwalunkwe oġġett jew servizz u jridu jużaw il-marka ta’ Apple Pay u l-elementi tal-interfaċċa tal-utent kif suppost, kif deskritt fil-Linji Gwida dwar il-Kummerċjalizzazzjoni ta’ Apple Pay u fil-Linji Gwida dwar l-Interfaċċa Umana. L-applikazzjonijiet li jużaw Apple Pay biex joffru ħlasijiet rikorrenti jridu, mill-inqas, jiżvelaw l-informazzjoni li ġejja:

      • It-tul tat-terminu ta’ tiġdid u l-fatt li dan se jkompli sakemm jiġi kkanċellat
      • X’se jiġi pprovdut f’kull perjodu
      • Il-ħlasijiet reali li se jiġu ċċarġjati lill-klijent
      • Kif tikkanċella
    • 4.10ASR u NR Monetizzazzjoni mill-Kapaċitajiet Inkorporati

      Inti ma tistax tagħmel il-flus mill-kapaċitajiet inkorporati pprovduti mill-hardware jew mis-sistema operattiva, bħal Push Notifications, il-kamera, jew il-ġiroskopju; jew is-servizzi u t-teknoloġiji ta’ Apple, bħall-aċċess għal Apple Music, il-ħażna tal-iCloud, jew l-APIs tal-Ħin fuq l-Iskrin.

    L-applikazzjonijiet iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legali kollha fi kwalunkwe post fejn tagħmilhom disponibbli (jekk ma tkunx ċert, iċċekkja ma’ avukat). Nafu li dawn l-affarijiet huma kkumplikati, iżda hija r-responsabbiltà tiegħek li tifhem u tkun ċert li l-applikazzjoni tiegħek tikkonforma mal-liġijiet lokali kollha, mhux biss mal-linji gwida li ġejjin. U naturalment, l-applikazzjonijiet li jissolleċitaw, jippromwovu, jew iħeġġu mġiba kriminali jew sfaċċatament imprudenti se jiġu rrifjutati. F’każijiet estremi, bħal applikazzjonijiet li jinstabu li jiffaċilitaw it-traffikar tal-bnedmin u/jew l-isfruttament tat-tfal, l-awtoritajiet xierqa jiġu nnotifikati.

    • 5.1ASR u NR Privatezza

      Il-protezzjoni tal-privatezza tal-utent hija importanti ħafna fl-ekosistema ta’ Apple, u għandek toqgħod attent meta timmaniġġja d-dejta personali biex tiżgura li kkonformajt mal-aħjar prattiki tal-privatezza, mal-liġijiet applikabbli, u mat-termini tal-Ftehim dwar il-Liċenzja tal-Apple Developer Program, biex ma nsemmux l-aspettattivi tal-klijenti. B’mod aktar partikolari:

      • 5.1.1ASR u NR Ġbir u Ħażna tad-Dejta
        • (i) Politiki dwar il-Privatezza: L-applikazzjonijiet kollha jridu jinkludu link għall-politika tal-privatezza tagħhom fil-qasam tal-metadata ta’ App Store Connect u fl-applikazzjoni b’mod faċilment aċċessibbli. Il-politika dwar il-privatezza trid b’mod ċar u espliċitu:
          • Tidentifika liema dejta, jekk ikun hemm, tinġabar mill-applikazzjoni jew mis-servizz, kif tinġabar dik id-dejta, u l-użi kollha ta’ dik id-dejta.
          • Tikkonferma li kwalunkwe parti terza li magħha applikazzjoni tikkondividi dejta tal-utent (f’konformità ma’ dawn il-Linji Gwida) — bħal għodod analitiċi, networks ta’ reklamar u SDKs ta’ partijiet terzi, kif ukoll kwalunkwe entità omm, sussidjarja jew entitajiet relatati oħrajn li se jkollhom aċċess għad-dejta tal-utenti — se tipprovdi l-istess protezzjoni jew protezzjoni ugwali tad-dejta tal-utent kif iddikjarat fil-politika dwar il-privatezza tal-applikazzjoni u kif meħtieġ minn dawn il-Linji Gwida.
          • Tispjega l-politiki ta’ żamma/tħassir tad-dejta tagħha u tiddeskrivi kif utent jista’ jirrevoka l-kunsens u/jew jitlob it-tħassir tad-dejta tal-utent.
        • (ii) Permess: L-applikazzjonijiet li jiġbru dejta tal-utent jew tal-użu jridu jassiguraw il-kunsens tal-utent għall-ġbir tagħha, anki jekk tali dejta tkun meqjusa anonima fil-ħin tal-ġbir jew immedjatament warajh. Il-funzjonalità mħallsa ma tridx tkun tiddependi mill-fatt li l-utent jagħti aċċess għal din id-dejta jew tirrikjedi li l-utent jagħmel dan. L-applikazzjonijiet iridu jipprovdu wkoll lill-klijent mod faċilment aċċessibbli u li jinftiehem biex jirtira l-kunsens. Kun żgur li s-sekwenzi tal-iskop tiegħek jiddeskrivu b’mod ċar u sħiħ l-użu tiegħek tad-dejta. L-applikazzjonijiet li jiġbru d-dejta għal interess leġittimu mingħajr il-kunsens billi jibbażaw fuq it-termini tar-Regolament Ġenerali tal-Unjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (European Union’s General Data Protection Regulation - “GDPR”) jew statut simili jridu jikkonformaw mat-termini kollha ta’ dik il-liġi. Sir af aktar dwar Kif Titlob Permess.
        • (iii) Minimizzazzjoni tad-Dejta: L-applikazzjonijiet għandhom jitolbu biss l-aċċess għal dejta rilevanti għall-funzjonalità ċentrali tal-applikazzjoni u għandhom jiġbru biss u jużaw dejta li tkun meħtieġa biex jitwettaq il-kompitu rilevanti. Fejn possibbli, uża l-kollettur ta’ barra mill-proċess (“out-of-process picker”) jew folja ta’ kondiviżjoni (“share sheet”) minflok ma titlob aċċess sħiħ għal riżorsi protetti bħal Ritratti jew Kuntatti.
        • (iv) Aċċess: L-applikazzjonijiet iridu jirrispettaw is-settings tal-permess tal-utent u ma jippruvawx jimmanipulaw lin-nies, iqarrqu bihom, jew iġiegħluhom jagħtu l-kunsens għal aċċess għal dejta bla bżonn. Pereżempju, l-applikazzjonijiet li jinkludu l-kapaċità li jittellgħu ritratti f’network soċjali ma jridux jirrikjedu wkoll l-aċċess għall-mikrofonu qabel ma jippermettu lill-utent itella’ r-ritratti. Meta jkun possibbli, ipprovdi soluzzjonijiet alternattivi għall-utenti li ma jagħtux il-kunsens. Pereżempju, jekk utent ma jaċċettax li jaqsam il-Post fejn ikun, offri l-kapaċità li indirizz jiddaħħal manwalment.
        • (v) Dħul fil-Kont: Jekk l-applikazzjoni tiegħek ma tinkludix karatteristiċi sinifikanti bbażati fuq kont, ħalli lin-nies jużawha mingħajr login. Jekk l-applikazzjoni tiegħek tappoġġa l-ħolqien ta’ kont, trid ukoll toffri t-tħassir tal-kont fl-applikazzjoni. L-applikazzjonijiet m’għandhomx jirrikjedu li l-utenti jdaħħlu informazzjoni personali biex jaħdmu, ħlief meta jkun direttament rilevanti għall-funzjonalità ċentrali tal-applikazzjoni jew meta jkun meħtieġ mil-liġi. Jekk il-funzjonalità tal-applikazzjoni ċentrali tiegħek ma tkunx relatata ma’ network soċjali speċifiku (eż. Facebook, WeChat, Weibo, X, eċċ.), inti trid tipprovdi aċċess mingħajr login jew permezz ta’ mekkaniżmu ieħor. It-teħid ta’ informazzjoni bażika tal-profil, il-kondiviżjoni fin-network soċjali, jew li ssir stedina lill-ħbieb biex jużaw l-applikazzjoni mhumiex meqjusa funzjonalità ċentrali tal-applikazzjoni. L-applikazzjoni trid tinkludi wkoll mekkaniżmu biex jiġu rrevokati l-kredenzjali tan-network soċjali u jiġi ddiżattivat l-aċċess għad-dejta bejn l-applikazzjoni u n-network soċjali minn ġol-applikazzjoni. Applikazzjoni ma tistax taħżen kredenzjali jew tokens għal networks soċjali minn fuq l-apparat u tista’ tuża biss dawn il-kredenzjali u t-tokens biex taqbad direttament man-network soċjali mill-applikazzjoni nnifisha waqt li l-applikazzjoni tkun qed tintuża.
        • (vi) L-iżviluppaturi li jużaw l-applikazzjonijiet tagħhom biex jiskopru bil-moħbi passwords jew dejta privata oħra jitneħħew mill-Apple Developer Program.
        • (vii) SafariViewController irid jintuża biex tiġi ppreżentata informazzjoni b’mod viżibbli lill-utenti; il-kontrollur ma jistax ikun moħbi jew mgħotti minn dehriet jew saffi oħrajn. Barra minn hekk, applikazzjoni ma tistax tuża SafariViewController biex titrekkja lill-utenti mingħajr l-għarfien u l-kunsens tagħhom.
        • (viii) L-applikazzjonijiet li jikkompilaw l-informazzjoni personali minn kwalunkwe sors li ma tkunx direttament mill-utent jew mingħajr il-kunsens espliċitu tal-utent, anki bażijiet tad-dejta pubbliċi, mhumiex permessi fl-App Store jew f’distribuzzjoni alternattiva.
        • (Ix) L-applikazzjonijiet li jipprovdu servizzi f’oqsma regolati ħafna (bħal servizzi bankarji u finanzjarji, il-kura tas-saħħa, il-logħob tal-azzard, l-użu legali tal-kannabis, l-ivvjaġġar bl-ajru u l-iskambju tal-kripto) jew li jeħtieġu informazzjoni sensittiva tal-utent għandhom ikunu ppreżentati minn entità legali li tipprovdi s-servizzi, u mhux minn żviluppatur individwali. L-applikazzjonijiet li jiffaċilitaw il-bejgħ legali tal-kannabis iridu jkunu ġeografikament ristretti għall-ġuriżdizzjoni legali korrispondenti.
        • (x) L-applikazzjonijiet jistgħu jitolbu informazzjoni ta’ kuntatt bażika (bħall-isem u l-indirizz tal-email) dment li t-talba tkun fakultattiva għall-utent, il-karatteristiċi u s-servizzi ma jkunux jiddependu minn jekk tingħatax dik l-informazzjoni, u dment li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ dawn il-linji gwida, inklużi l-limitazzjonijiet fuq il-ġbir ta’ informazzjoni mingħand it-tfal.
      • 5.1.2ASR u NR Użu u Kondiviżjoni tad-Dejta
        • (i) Sakemm ma jkunx permess mod ieħor mil-liġi, ma tistax tuża, tittrażmetti, jew tikkondividi d-dejta personali ta’ xi ħadd mingħajr ma l-ewwel tikseb il-permess tiegħu. Inti trid tipprovdi aċċess għall-informazzjoni dwar kif u fejn id-dejta se tintuża. Trid tiżvela b’mod ċar fejn id-dejta personali se tiġi kondiviża ma’ partijiet terzi, inkluż ma’ AI ta’ parti terza, u tikseb permess espliċitu qabel ma tagħmel dan. Id-dejta miġbura mill-applikazzjonijiet tista’ tiġi kondiviża biss ma’ partijiet terzi biex isir titjib fl-applikazzjoni jew biex twassal ir-reklamar (f’konformità mal-Ftehim dwar il-Liċenzja tal-Apple Developer Program). Inti trid tirċievi permess espliċitu mill-utenti permezz tal-APIs tal-App Tracking Transparency biex tintraċċa l-attività tagħhom. Kun af aktar dwar it-trekkjar. L-applikazzjoni tiegħek tista’ ma teħtieġx li l-utenti jattivaw funzjonalitajiet tas-sistema (eż. push notifications, servizzi ta’ lokalizzazzjoni, trekkjar) sabiex jaċċessaw il-funzjonalità, il-kontenut, jużaw l-applikazzjoni, jew jirċievu kumpens monetarju jew kumpens ieħor, inkluż iżda mhux biss għal kards li jissarrfu f’rigali u kodiċijiet. L-applikazzjonijiet li jaqsmu d-dejta tal-utent mingħajr il-kunsens tal-utent jew billi ma jikkonformawx mod ieħor mal-liġijiet dwar il-privatezza tad-dejta jistgħu jitneħħew mill-bejgħ u jistgħu jirriżultaw fit-tneħħija tiegħek mill-Apple Developer Program.
        • (ii) Id-dejta miġbura għal skop wieħed ma tistax tintuża għal skopijiet oħrajn mingħajr il-kunsens ulterjuri sakemm ma jkunx permess espliċitament mil-liġi.
        • (iii) L-applikazzjonijiet m’għandhomx jippruvaw jibnu bil-moħbi profil tal-utent ibbażat fuq dejta miġbura u ma jistgħux jippruvaw, jiffaċilitaw, jew iħeġġu lil ħaddieħor jidentifika utenti anonimi jew jerġa’ jibni profili tal-utent ibbażati fuq dejta miġbura minn APIs ipprovduti minn Apple jew kwalunkwe dejta li inti tgħid li nġabret b’mod “anonimizzat,” “aggregat,” jew b’mod ieħor mhux identifikabbli.
        • (iv) Tużax informazzjoni mill-Kuntatti, ir-Ritratti jew APIs oħrajn li jaċċessaw id-dejta tal-utent biex tibni bażi tad-dejta ta’ kuntatti għall-użu tiegħek stess jew għall-bejgħ/għad-distribuzzjoni lil partijiet terzi, u tiġborx informazzjoni dwar liema applikazzjonijiet oħra huma installati fuq apparat tal-utent għall-finijiet ta’ analitika jew reklamar/kummerċjalizzazzjoni.
        • (v) Tikkuntattjax nies billi tuża informazzjoni miġbura permezz tal-Kuntatti jew ir-Ritratti ta’ utent, ħlief fuq inizjattiva espliċita ta’ dak l-utent fuq bażi individwalizzata; tinkludix l-għażla Agħżel Kollox jew tagħmel l-għażla tal-kuntatti kollha awtomatika. Inti trid tagħti lill-utent deskrizzjoni ċara ta’ kif il-messaġġ se jidher għar-riċevitur qabel tibagħtu (eż. X’se jkun jgħid il-messaġġ? Min se jidher li bagħtu?).
        • (vi) Id-dejta miġbura mill-API ta’ HomeKit, ta’ HealthKit, l-API tar-Rekords Kliniċi tas-Saħħa, l-APIs ta’ MovementDisorder, ta’ ClassKit jew minn għodod ta’ mmappjar tal-fond u/jew tal-wiċċ (eż. ARKit, l-APIs tal-Kamera, jew l-APIs tar-Ritratti) ma tistax tintuża għall-kummerċjalizzazzjoni, għar-reklamar jew għall-estrazzjoni tad-dejta bbażata fuq l-użu, inkluż minn partijiet terzi. Sir af aktar dwar l-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni ta’ CallKit, HealthKit, ClassKit, u ARKit.
        • (vii) L-applikazzjonijiet li jużaw Apple Pay jistgħu jaqsmu dejta tal-utent miksuba permezz ta’ Apple Pay ma’ partijiet terzi biex jiffaċilitaw jew itejbu l-konsenja ta’ oġġetti u servizzi.
      • 5.1.3ASR u NR Is-Saħħa u r-Riċerka dwar is-Saħħa

        Dejta medika, dejta dwar is-saħħu u dejta dwar il-fitness hija partikolarment sensittiva u l-applikazzjonijiet f’dan l-ispazju għandhom xi regoli addizzjonali biex jiġi żgurat li l-privatezza tal-klijenti tkun protetta:

        • (i) L-applikazzjonijiet ma jistgħux jużaw jew jiżvelaw lil partijiet terzi dejta miġbura fil-kuntest ta’ riċerka dwar is-saħħa, il-fitness, u riċerka medika — inkluż mill-API tar-Rekords Kliniċi tas-Saħħa, l-API ta’ HealthKit, Motion and Fitness, l-APIs ta’ MovementDisorder, jew riċerka dwar is-suġġett uman relatata mas-saħħa — għar-reklamar, il-kummerċjalizzazzjoni, jew għal skopijiet oħrajn ta’ estrazzjoni tad-dejta bbażata fuq l-użu minbarra t-titjib tal-ġestjoni tas-saħħa, jew għal skopijiet ta’ riċerka dwar is-saħħa, u f’dak il-każ bil-permess biss. Madankollu, l-applikazzjonijiet jistgħu jużaw id-dejta dwar is-saħħa u l-fitness ta’ utent biex jipprovdu benefiċċju direttament lil dak l-utent (bħal pereżempju premium tal-assigurazzjoni mnaqqas), dment li l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mill-entità li tipprovdi l-benefiċċju, u d-dejta ma tiġix kondiviża ma’ parti terza. Inti trid tiżvela d-dejta speċifika dwar is-saħħa li qed tiġbor mill-apparat.
        • (ii) L-applikazzjonijiet ma jridux jiktbu dejta falza jew mhux eżatta f’HealthKit jew fi kwalunkwe applikazzjoni ta’ riċerka medika jew ġestjoni tas-saħħa, u ma jistgħux jaħżnu informazzjoni dwar is-saħħa personali f’iCloud.
        • (iii) L-applikazzjonijiet li jagħmlu riċerka dwar is-suġġett uman relatata mas-saħħa jridu jiksbu l-kunsens mingħand il-parteċipanti jew, fil-każ ta’ minorenni, mingħand il-ġenitur jew il-gwardjan tagħhom. Dan il-kunsens irid jinkludi (a) in-natura, l-iskop, u t-tul tar-riċerka; (b) il-proċeduri, ir-riskji, u l-benefiċċji għall-parteċipant; (c) informazzjoni dwar il-kunfidenzjalità u l-ipproċessar tad-dejta (inkluża kwalunkwe kondiviżjoni ma’ partijiet terzi); (d) punt ta’ kuntatt għall-mistoqsijiet tal-parteċipanti; u (e) il-proċess tal-irtirar.
        • (iv) L-applikazzjonijiet li jwettqu riċerka dwar is-suġġett uman relatata mas-saħħa jridu jiksbu l-approvazzjoni mingħand bord indipendenti ta’ analiżi tal-etika. Evidenza ta’ tali approvazzjoni trid tiġi pprovduta fuq talba.
      • 5.1.4 Tfal
        • (a)ASR u NR Għal ħafna raġunijiet, huwa importanti ħafna li wieħed joqgħod attent meta jittratta dejta personali mingħand it-tfal, u aħna nħeġġuk teżamina mill-ġdid b’attenzjoni r-rekwiżiti kollha biex tkun konformi ma’ liġijiet bħall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Privatezza Online tat-Tfal (Children’s Online Privacy Protection Act - “COPPA”), ir-Regolament Ġenerali tal-Unjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (European Union’s General Data Protection Regulation - “GDPR”), u kwalunkwe regolament jew liġi oħra applikabbli.

          L-applikazzjonijiet jistgħu jitolbu d-data tat-twelid u l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-ġenituri biex jikkonformaw ma’ dawn l-istatuti biss, iżda jridu jinkludu xi funzjonalità utli jew valur ta’ divertiment irrispettivament mill-età tal-persuna.

          L-applikazzjonijiet maħsuba l-aktar għat-tfal m’għandhomx jinkludu analitika ta’ partijiet terzi jew reklamar ta’ partijiet terzi. Dan jipprovdi esperjenza aktar sikura għat-tfal.

        • (b) F’każijiet limitati, l-analitika ta’ partijiet terzi u r-reklamar ta’ partijiet terzi jistgħu jkunu permessi sakemm is-servizzi jimxu mal-istess termini stabbiliti fil-Linja Gwida 1.3.

          Barra minn hekk, l-applikazzjonijiet fil-Kategorija tat-Tfal jew dawk li jiġbru, jittrażmettu, jew għandhom il-kapaċità li jikkondividu informazzjoni personali (eż. l-isem, l-indirizz, l-email, il-post, ritratti, vidjows, tpinġijiet, il-kapaċità li jitkellmu, dejta personali oħra, jew identifikaturi persistenti użati flimkien ma’ kwalunkwe waħda minn dawn ta’ hawn fuq) mingħand minorenni jridu jinkludu politika dwar il-privatezza u jridu jikkonformaw mal-istatuti kollha applikabbli dwar il-privatezza tat-tfal. Għall-fini ta’ ċarezza, rekwiżit tal-verifika mill-ġenituri għall-Kategorija tat-Tfal ġeneralment mhuwiex l-istess bħall-kisba tal-kunsens tal-ġenituri biex tinġabar dejta personali skont dawn l-istatuti dwar il-privatezza.

          Bħala tfakkira, Linja Gwida 2.3.8 tirrikjedi li l-użu ta’ termini bħal “Għat-Tfal” fil-metadata tal-applikazzjoni jkun riżervat għall-Kategorija tat-Tfal. L-applikazzjonijiet li ma jkunux fil-Kategorija tat-Tfal ma jistgħu jinkludu ebda terminu fl-isem, fis-sottotitlu, fl-ikona, fir-ritratti tal-iskrin jew fid-deskrizzjoni tal-applikazzjoni li jimplika li t-tfal huma l-udjenza ewlenija għall-applikazzjoni.

      • 5.1.5ASR u NRServizzi tal-Post

        Uża s-Servizzi tal-Post fl-applikazzjoni tiegħek biss meta dan ikun direttament rilevanti għall-karatteristiċi u s-servizzi pprovduti mill-applikazzjoni. L-APIs ibbażati fuq il-post m’għandhomx jintużaw biex jipprovdu servizzi ta’ emerġenza jew kontroll awtonomu fuq vetturi, ajruplani, u apparati oħra, ħlief għal apparati żgħar bħal droni u ġugarelli ħfief, jew sistemi tal-allarm tal-vetturi bil-kontroll mill-bogħod, eċċ. Kun żgur li tinnotifika u tikseb il-kunsens qabel ma tiġbor, tittrażmetti, jew tuża d-dejta dwar il-post. Jekk l-applikazzjoni tiegħek tuża Servizzi tal-Post, kun żgur li tispjega l-iskop fl-applikazzjoni tiegħek; irreferi għall-Human Interface Guidelines (Linji Gwida tal-Interfaċċa tal-Bniedem) għall-aħjar prattiki biex tagħmel dan.

    • 5.2 Proprjetà Intellettwali

      Kun żgur li l-applikazzjoni tiegħek tinkludi biss kontenut maħluq minnek jew li għandek liċenzja biex tużah. L-applikazzjoni tiegħek tista’ titneħħa jekk tkun qbiżt il-linja u użajt kontenut mingħajr permess. Naturalment, dan ifisser ukoll li l-applikazzjoni ta’ xi ħadd ieħor tista’ titneħħa jekk ikun “issellef” mix-xogħol tiegħek. Jekk taħseb li kien hemm ksur tal-proprjetà intellettwali tiegħek minn żviluppatur ieħor fl-App Store, ressaq ilment permezz tal-formola tal-webtagħna. Il-liġijiet ivarjaw f’pajjiżi u reġjuni differenti, iżda tal-inqas, kun ċert li tevita l-iżbalji komuni li ġejjin:

      • 5.2.1 B’mod ġenerali: Tużax materjal protett ta’ partijiet terzi bħal trademarks, xogħlijiet bid-drittijiet tal-awtur, jew ideat bil-privattiva fl-applikazzjoni tiegħek mingħajr permess, u tinkludix rappreżentazzjonijiet, ismijiet, jew metadata qarrieqa, falza jew ikkupjata fil-bundle tal-applikazzjoni jew fl-isem tal-iżviluppatur tiegħek. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati mill-persuna jew mill-entità legali proprjetarja tal-proprjetà intellettwali jew li jkollha liċenzja għaliha u drittijiet rilevanti oħrajn.
      • 5.2.2 Siti/Servizzi ta’ Partijiet Terzi: Jekk l-applikazzjoni tiegħek tuża, taċċessa, tagħmel flus mill-aċċess għal, jew turi kontenut minn servizz ta’ parti terza, kun żgur li għandek permess speċifiku biex tagħmel dan taħt it-termini ta’ użu tas-servizz. L-awtorizzazzjoni trid tiġi pprovduta meta tintalab.
      • 5.2.3 Tniżżil ta’ Awdjo/Vidjow: L-applikazzjonijiet m’għandhomx jiffaċilitaw il-kondiviżjoni illegali ta’ fajls jew jinkludu l-kapaċità ta’ ssejvjar, konverżjoni, jew tniżżil ta’ midja minn sorsi ta’ partijiet terzi (eż. Apple Music, YouTube, SoundCloud, Vimeo, eċċ.) mingħajr awtorizzazzjoni espliċita minn dawk is-sorsi. L-istrimjar ta’ kontenut tal-awdjo/vidjow wkoll jista’ jikser it-Termini ta’ Użu u għalhekk kun ċert li tiċċekkja qabel l-applikazzjoni tiegħek taċċessa dawk is-servizzi. L-awtorizzazzjoni trid tiġi pprovduta meta tintalab.
      • 5.2.4 Approvazzjonijiet minn Apple
        • (a)ASR u NR Tissuġġerixxix jew timplikax li Apple hija sors jew fornitur tal-applikazzjoni, jew li Apple tapprova kwalunkwe rappreżentazzjoni partikolari dwar il-kwalità jew il-funzjonalità.
        • (b) Jekk l-applikazzjoni tiegħek tintgħażel bħala l-”Editor’s Choice” (“Għażla tal-Editur”), Apple se tapplika l-badge awtomatikament.
      • 5.2.5ASR u NR Prodotti ta’ Apple: Toħloqx applikazzjoni li tkun tixbah prodott, interfaċċa (eż. Finder), applikazzjoni (bħall-App Store, iTunes Store, jew Messages) jew tema ta’ reklamar eżistenti ta’ Apple b’mod li jfixkel lil dak li jkun. L-applikazzjonijiet u l-estensjonijiet, inklużi t-tastieri ta’ partijiet terzi u l-pakketti ta’ Stikers, ma jistgħux jinkludu emojis ta’ Apple. Il-mużika minn iTunes u l-previżjonijiet minn Apple Music ma jistgħux jintużaw għall-valur ta’ divertiment tagħhom (eż. bħala mużika fl-isfond għal collage ta’ ritratti jew is-soundtrack ta’ logħba) jew bi kwalunkwe mod ieħor mhux awtorizzat. Jekk tipprovdi previżjonijiet ta’ mużika minn iTunes jew minn Apple Music, trid turi link għall-mużika korrispondenti f’iTunes jew f’Apple Music. Jekk l-applikazzjoni tiegħek turi ċrieki tal-Attività, dawn m’għandhomx juru d-dejta tal-Moviment, tal-Eżerċizzju, jew tas-Sigħat Bilwieqfa b’mod li jixbah il-kontroll tal-Attività. Il-Human Interface Guidelines (Linji Gwida tal-Interfaċċa tal-Utent) għandhom aktar informazzjoni dwar kif tuża ċ-ċrieki tal-Attività. Jekk l-applikazzjoni tiegħek turi dejta dwar it-Temp ta’ Apple, din għandha ssegwi r-rekwiżiti ta’ attribuzzjoni pprovduti fid-dokumentazzjoni ta’ WeatherKit.
    • 5.3 Logħob, Logħob tal-Azzard, u Lotteriji

      Il-logħob, il-logħob tal-azzard, u l-lotteriji jistgħu jkunu kemxejn diffiċli biex timmaniġġjahom u għandhom it-tendenza li jkunu waħda mill-aktar offerti regolati fl-App Store. Inkludi din il-funzjonalità biss jekk tkun iċċekkjajt bis-sħiħ l-obbligi legali tiegħek kull fejn tagħmel l-applikazzjoni tiegħek disponibbli u tkun lest għal aktar ħin waqt il-proċess ta’ rieżami. Xi affarijiet li għandek iżżomm f’moħħok:

      • 5.3.1 Il-logħob tal-imħatri u l-kompetizzjonijiet iridu jkunu sponsorjati mill-iżviluppatur tal-applikazzjoni.
      • 5.3.2 Ir-regoli uffiċjali tal-logħob tal-imħatri, tal-kompetizzjonijiet, u tal-lotteriji jridu jiġu ppreżentati fl-applikazzjoni u jiċċaraw li Apple mhijiex sponsor jew b’xi mod involuta fl-attività.
      • 5.3.3 L-applikazzjonijiet ma jistgħux jużaw xiri fl-applikazzjoni biex jinxtara kreditu jew valuti għall-użu flimkien ma’ logħob tal-azzard bi flus reali ta’ kwalunkwe tip.
      • 5.3.4 L-applikazzjonijiet li joffru logħob tal-azzard (eż. imħatri sportivi, poker, logħob tal-każinò, tiġrijiet taż-żwiemel) jew lotteriji bi flus reali jrid ikollhom il-liċenzji u l-permessi meħtieġa fil-postijiet fejn tintuża l-applikazzjoni, iridu jkunu ġeografikament ristretti għal dawk il-postijiet, u jridu jkunu mingħajr ħlas fl-App Store. Għajnuniet għal-logħob tal-azzard illegali, inklużi l-kontaturi tal-kards, mhumiex permessi fl-App Store. L-applikazzjonijiet tal-lotteriji jrid ikollhom il-korrispettiv, ix-xorti, u premju.
    • 5.4ASR u NR Applikazzjonijiet tal-VPN

      L-applikazzjonijiet li joffru servizzi ta’ VPN iridu jużaw l- NEVPNManager API u jistgħu jiġu offruti biss minn żviluppaturi rreġistrati bħala organizzazzjoni. Inti trid tagħmel dikjarazzjoni ċara ta’ liema dejta tal-utent se tinġabar u kif se tintuża fuq skrin tal-applikazzjoni qabel kwalunkwe azzjoni tal-utent biex jixtri jew juża s-servizz b’xi mod ieħor. L-applikazzjonijiet li joffru servizzi ta’ VPN ma jistgħux ibigħu, jużaw, jew jiżvelaw lil partijiet terzi kwalunkwe dejta għal kwalunkwe skop, u jridu jintrabtu b’dan fil-politika tagħhom dwar il-privatezza. L-applikazzjonijiet tal-VPN ma jridux jiksru l-liġijiet lokali, u jekk tagħżel li tagħmel l-applikazzjoni tal-VPN tiegħek disponibbli f’territorju li jirrikjedi liċenzja għal VPN, inti trid tipprovdi l-informazzjoni dwar il-liċenzja tiegħek fil-qasam tan-Noti tar-Rieżami tal-App. L-applikazzjonijiet ta’ kontroll mill-ġenituri, ta’ mblukkar tal-kontenut, u tas-sigurtà, fost oħrajn, jistgħu wkoll jużaw l-API tal-NEVPNManager. L-applikazzjonijiet li ma jikkonformawx ma’ din il-linja gwida ser jitneħħew mill-App Store u se jiġu mblukkati mill-installazzjoni permezz ta’ distribuzzjoni alternattiva u inti tista’ titneħħa mill-Apple Developer Program.

    • 5.5ASR u NR Ġestjoni ta’ Apparati Mobbli

      L-Applikazzjonijiet ta’ Ġestjoni ta’ Apparati Mobbli li joffru servizzi ta’ Ġestjoni ta’ Apparat Mobbli (Mobile Device Management - “MDM”) iridu jitolbu din il-kapaċità lil Apple. Dawn l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu offruti biss minn intrapriżi kummerċjali, istituzzjonijiet edukattivi, jew aġenziji governattivi, u f’każijiet limitati, kumpaniji li jużaw l-MDM għal servizzi ta’ kontroll mill-ġenituri jew ta’ sigurtà tal-apparat. Inti trid tagħmel dikjarazzjoni ċara ta’ liema dejta tal-utent se tinġabar u kif se tintuża fuq skrin tal-applikazzjoni qabel kwalunkwe azzjoni tal-utent biex jixtri jew juża s-servizz b’xi mod ieħor. L-applikazzjonijiet ta’ MDM ma jridu jiksru ebda liġi applikabbli. L-applikazzjonijiet li joffru servizzi ta’ MDM ma jistgħux ibigħu, jużaw, jew jiżvelaw lil partijiet terzi kwalunkwe dejta għal kwalunkwe skop, u jridu jintrabtu b’dan fil-politika tagħhom dwar il-privatezza. F’każijiet limitati, l-analitika minn partijiet terzi tista’ tiġi permessa dment li s-servizzi jiġbru jew jittrażmettu biss dejta dwar il-prestazzjoni tal-applikazzjoni ta’ MDM tal-iżviluppatur, u mhux kwalunkwe dejta dwar l-utent, l-apparat tal-utent, jew dwar applikazzjonijiet oħrajn użati fuq dak l-apparat. L-applikazzjonijiet li joffru profili ta’ konfigurazzjoni wkoll iridu jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti. L-applikazzjonijiet li ma jikkonformawx ma’ din il-linja gwida ser jitneħħew mill-App Store u se jiġu mblukkati mill-installazzjoni permezz ta’ distribuzzjoni alternattiva u inti tista’ titneħħa mill-Apple Developer Program.

    • 5.6ASR u NRKodiċi ta’ Kondotta tal-Iżviluppaturi

      Jekk jogħġbok ittratta lil kulħadd b’rispett, kemm fit-tweġibiet tiegħek għar-reċensjonijiet fl-App Store, kemm għat-talbiet ta’ appoġġ tal-klijenti, kif ukoll meta tikkomunika ma’ Apple, inklużi t-tweġibiet tiegħek f’App Store Connect. Tinvolvix ruħek f’fastidju ta’ kwalunkwe tip, prattiki diskriminatorji, intimidazzjoni, bullying, u tħeġġiġx lil ħaddieħor biex jinvolvi ruħu f’xi waħda minn dawn ta’ hawn fuq. Imġiba manipulattiva jew qarrieqa ripetuta jew imġiba frawdolenti oħra twassal biex inti titneħħa mill-Apple Developer Program.

      Il-fiduċja tal-klijent hija fundamentali għall-ekosistema tal-Applikazzjoni. L-applikazzjonijiet qatt m’għandhom jivvittimizzaw lill-utenti jew jippruvaw iqarrqu bil-klijenti, iqarrqu bihom biex jixtru dak li ma jkollhomx bżonn, iġiegħluhom jikkondividu dejta mhux meħtieġa, jgħollu l-prezzijiet b’mod qarrieqi, jitolbu ħlas għal karatteristiċi jew kontenut li ma jiġix ikkonsenjat, jew jinvolvu ruħhom f’xi prattiki ta’ manipulazzjoni oħrajn fl-applikazzjoni jew barra minnha.

      Il-kont tad-Developer Program tiegħek jiġi tterminat jekk tinvolvi ruħek f’attivitajiet jew azzjonijiet li mhumiex skont il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Iżviluppaturi. Biex tirrestawra l-kont tiegħek, inti tista’ tipprovdi dikjarazzjoni bil-miktub li fiha tagħti dettalji dwar it-titjib li beħsiebek twettaq. Jekk il-pjan tiegħek jiġi approvat minn Apple u aħna nikkonfermaw li l-bidliet ikunu saru, il-kont tiegħek jista’ jiġi rrestawrat.

      • 5.6.1 Reċensjonijiet fl-App Store

        Ir-reċensjonijiet tal-klijenti fl-App Store jistgħu jkunu parti integrali mill-esperjenza tal-applikazzjoni, u għalhekk għandek tittratta lill-klijenti b’rispett meta twieġeb għall-kummenti tagħhom. Żomm it-tweġibiet tiegħek immirati lejn il-kummenti tal-utent u tinkludix informazzjoni personali, spam, jew kummerċjalizzazzjoni fit-tweġiba tiegħek.

        Uża l-API ipprovduta biex tħeġġeġ lill-utenti jagħmlu reċensjoni għall-applikazzjoni tiegħek; din il-funzjonalità tippermetti lill-klijenti jipprovdu klassifikazzjoni u reċensjoni fl-App Store mingħajr l-inkonvenjent li joħorġu mill-applikazzjoni tiegħek, u aħna m’aħniex se nippermettu prompts għar-reċensjonijiet personalizzati.

      • 5.6.2ASR u NRIdentità tal-Iżviluppatur

        Huwa essenzjali li tingħata informazzjoni verifikabbli lil Apple u lill-klijenti biex tinkiseb il-fiduċja tal-klijenti. Ir-rappreżentazzjoni tiegħek innifsek, tan-negozju tiegħek, u tal-offerti tiegħek fuq l-App Store jew distribuzzjoni alternattiva trid tkun preċiża. L-informazzjoni li tipprovdi trid tkun vera, rilevanti, u aġġornata b’tali mod li Apple u l-klijenti jifhmu ma’ min qegħdin jinvolvu ruħhom u jkunu jistgħu jikkuntattjawk rigward kwalunkwe kwistjoni.

      • 5.6.3 Skoperta ta’ Frodi

        Il-parteċipazzjoni fl-App Store tirrikjedi integrità u impenn lejn il-ħolqien u ż-żamma tal-fiduċja tal-klijenti. Il-manipulazzjoni ta’ kwalunwke element tal-esperjenza tal-klijenti fl-App Store bħal ċarts, tfittxijiet, reċensjonijiet, jew riferimenti għall-applikazzjoni tiegħek tnaqqas il-fiduċja tal-klijenti u mhijiex permessa.

      • 5.6.4 Kwalità tal-Applikazzjoni

        Il-klijenti jistennew l-ogħla kwalità mill-App Store, u ż-żamma ta’ kontenut, servizzi, u esperjenzi ta’ kwalità għolja tippromwovi l-fiduċja tal-klijenti. L-indikazzjonijiet li din l-aspettattiva mhijiex qed tintlaħaq jinkludu rapporti eċċessivi mill-klijenti dwar tħassib bl-applikazzjoni tiegħek, bħal reċensjonijiet negattivi mill-klijenti, u talbiet eċċessivi għal rifużjoni. In-nuqqas ta’ kapaċità ta’ żviluppatur li jżomm kwalità għolja jista’ jkun fattur biex jiġi deċiż jekk huwiex qed jikkonforma mal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Iżviluppaturi.

    Wara l-Preżentazzjoni Tiegħek

    Ladarba tkun ippreżentajt l-applikazzjoni u l-metadata tiegħek f’App Store Connect u tkun fil-proċess ta’ rieżami, dawn huma xi affarijiet li għandek iżżomm f’moħħok:

    • Żmien: It-Tim tar-Rieżami tal-Apps se jeżamina l-applikazzjoni tiegħek mill-aktar fis possibbli. Madankollu, jekk l-applikazzjoni tiegħek tkun ikkumplikata jew tippreżenta xi kwistjonijiet ġodda, tista’ tkun teħtieġ skrutinju akbar u aktar kunsiderazzjoni. U ftakar li jekk l-applikazzjoni tiegħek tiġi rrifjutata ripetutament għall-ksur tal-istess linja gwida jew tkun ippruvajt timmanipula l-proċess tar-reviżjoni, ir-reviżjoni tal-applikazzjoni tiegħek se tieħu aktar żmien biex titlesta. Kun af aktar dwar l-App Review (Rieżami tal-Applikazzjoni).
    • Aġġornamenti tal-Istatus: L-istatus attwali tal-applikazzjoni tiegħek jintwera f’App Store Connect, biex inti tkun tista’ żżomm għajnejk fuq l-affarijiet minn hemmhekk.
    • Talbiet għal Proċess Imħaffef: Jekk għandek kwistjoni ta’ urġenza, inti tista’ titlob proċess ta’ rieżami mħaffef. Jekk jogħġbok irrispetta lill-iżviluppaturi sħabek billi titlob ir-rieżami mħaffef biss meta verament ikollok bżonnu. Jekk insibu li qed tabbuża minn din is-sistema, nistgħu nirrifjutaw it-talbiet futuri tiegħek.
    • Data tal-Ħruġ: Jekk id-data tal-ħruġ tiegħek tkun issettjata għall-futur, l-applikazzjoni ma tidhirx fl-App Store qabel dik id-data, anki jekk tiġi approvata mit-Tim ta’ Rieżami tal-Apps. U ftakar li l-applikazzjoni tiegħek tista’ ddum sa 24 siegħa biex tidher fl-istorefronts kollha magħżula.
    • Rifjut: L-għan tagħna huwa li napplikaw dawn il-linji gwida b’mod ġust u konsistenti, iżda ħadd mhu perfett. Jekk l-applikazzjoni tiegħek ġiet irrifjutata u għandek xi mistoqsijiet jew tixtieq tipprovdi informazzjoni addizzjonali, jekk jogħġbok uża App Store Connect biex tikkomunika direttament mat-tim tar-Rieżami tal-Apps. Dan jista’ jgħin biex l-applikazzjoni tiegħek tiddaħħal fil-ħanut, u jista’ jgħinna ntejbu l-proċess tar-Rieżami tal-Apps jew nidentifikaw ħtieġa biex niċċaraw il-politiki tagħna.
    • Appelli: Jekk ma taqbilx mar-riżultat tar-reviżjoni tiegħek, jekk jogħġbok issottometti appell. Dan jista’ jgħin biex l-applikazzjoni tiegħek tiddaħħal fil-ħanut. Tista’ wkoll tissuġġerixxi xi bidliet fil-linji gwida nfushom biex tgħinna ntejbu l-proċess tar-Rieżami tal-Apps jew nidentifikaw ħtieġa għal ċarezza fil-politiki tagħna.
    • Preżentazzjonijiet ta’ Tiswijiet ta’ Difetti: Għall-applikazzjonijiet li diġà jinsabu fl-App Store jew distribuzzjoni alternattiva, it-tiswijiet tad-difetti mhumiex se jibqgħu jiġu ttardjati minħabba ksur tal-linji gwida ħlief għal dawk relatati ma’ kwistjonijiet legali jew ta’ sikurezza. Jekk l-applikazzjoni tiegħek ġiet irrifjutata, u tikkwalifika għal dan il-proċess, jekk jogħġbok uża App Store Connect biex tikkomunika direttament mat-tim tar-Rieżami tal-Apps u indika li tixtieq tieħu vantaġġ minn dan il-proċess u qed tippjana li tindirizza l-kwistjoni fil-preżentazzjoni li jmiss tiegħek.

    Ninsabu eċċitati biex naraw x’għandek ippreparat!

    L-Aħħar Aġġornament: 8 ta’ Ġunju, 2026